Lil Charmaine Gauci għalqulha ħalqha – Vassallo

Għadd ta’ Deputati Nazzjonalisti fil-Parlament ħarġu jiddefendu lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauċi li naqset l-interventi pubbliċi tagħha minn kuljum għal tliet darbiet f’ġimgħa.

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo stqarr li l-Gvern qed jagħlqilha ħalqha hekk kif d-domandi qed isiru iktar diffiċli.

Minn naħa tagħha, Claudette Buttiġieġ qalet li hija ironika kif ftit tal-ġimgħat ilu, il-parlament għadda poteri straordinarji lil Charmaine Gauci, biex issa naqsilha l-interventi tagħha bl-aġġornamenti fuq is-sitwazzjoni tal-COVID-19.

Edwin Vassallo qal li f’dan il-mument, il-gvern qed jibgħat messaġġ kunfliġġenti u l-ħwienet qed jintalbu jipprovdu ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-ilma tagħhom li jdum biex jinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti għaxart ijiem u allura mhux se jkunu fil-ħin biex jiftħu l-istabbliment tagħhom nhar il-Ġimgħa meta dan il-proċess seta’ ġie ppjanat minn qabel.

Bl-istess mod, Buttigieg qalet li hairdressers, beauticians u nail technicians m’għandhomx ċertezza biżżejjed u l-istruzzjonijiet tal-Gvern qed joħolqu konfużjoni. Hija stqarret li s-sidien tal-ħwienet tal-ħwejjeġ ma jistgħux jifhmu kif in-nies ma jistgħux jużaw iċ-changing rooms iżda jistgħu jmorru fir-restoranti.

Skont il-kelliema, il-gwaj tal-pajjiż hu li l-Prim Ministru joħlom bil-mewġ u jitfa’ lill-pajjiż il-baħar.

Il-maħfra Presidenzjali titneħħa minn idejn il-Gvern – Azzopardi

Waqt l-istess diskussjoni, Jason Azzopardi qal li l-Oppożizzjoni ilbieraħ ħabbret il-proposti tagħha għar-riforma Kostituzzjonali. Fisser li l-PN irid li jinħatar Kummissarju kontra l-Korruzzjoni. Dan ikollu d-dritt li waħdu jibda proċeduri fil-Qorti f’każijiet ta’ korruzzjoni u l-Pulizija jridu jobdu ordnijiet tiegħu. Skont Azzopardi, dan jinħatar u jitneħħa b’żewġ terzi.

Azzopardi qal li biex jiġu evitati abbużi, malli jxolji l-Parlament, il-Gvern ma jkunx jista’ jdaħħal nies mal- Gvern, jagħti promozzjonijiet jew jagħti artijiet tal-Gvern jew jidħol f’kuntratti ta’ servizzi.

L-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija jibdew jinħatru b’żewġ terzi tal-Kamra. Bl-istess mod, membri parlamentari ma jistgħux ipoġġu fuq bordijiet ta’ entitajiet pubbliċi jew ikunu diretturi jew managers, lanqas ma jistgħu jkunu konsulenti tagħhom sakemm ikunu membri tal-Parlament.

Il-Position jew Persons of Trust jiġu ridotti għal erbgħa f’kull Ministeru fis-segretarjat privat ta’ kull ministru u segretarju parlamentari. L-imħallfin jiġi proposti minn kumitat ta’ ħatra li fih il-ġudikatura jkollha maġġoranza ta’ membri u appuntati mill-President li jaġixxi waħdu. Huwa qal ukoll li l-prerogattiva tal-maħfra titneħħa minn idejn il-Gvern tal-ġurnata u tingħata lill-President biex verament tkun maħfra presidenzjali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn