“Lil Alla ssibuh fil-postijiet l-aktar sempliċi” – L-Arċisqof liż-żgħażagħ għas-saċerdozju

L-Arċisqof Charles Scicluna laqa’ żewġ żgħażagħ bħala kandidati għas-saċerdozju.
Anton d’Amato u Bernard Micallef, żewġ seminaristi fil-ħames sena, issa jibdew l-aħħar formazzjoni biex jirċievu l-ordinazzjoni tad-Djakonat u aktar tard tal-Presbiterat.
Waqt il-Pontifikal tas-solennità tal-Epifanija tal-Mulej, Monsinjur Scicluna ħeġġeġ lil dawn iż-żewġ żgħażagħ biex ma jibżgħux jħarsu lejn dak li hu ċkejken.
“Għandkom ċans ħafna akbar li ssibu lill-Mulej hemm u tindikawh lil ħaddieħor,” spjega l-Arċisqof.
Żied li l-maġi mxew mal-loġika politika u fittxew lis-sultan fil-palazzi. Iżda l-profezija kienet tindika raħal ċkejken kompla jgħid l-Arċisqof.
Monsinjur Scicluna tkellem dwar id-don tal-mirra u appella lill-kandidati għas-saċerdozju biex ma jibżgħux isemmu l-mirra.
Fakkar li l-mirra kienet tintuża għad-difna iżda kienet tinduna wkoll għall-fejqan.
“Dan l-element jgħaqqad il-fejqan mal-misteru tal-mewt,” qal l-Arċisqof. “Ma narawx biss in-natura umana imma l-kapaċità ta’ Ġesù jfejjaq huwa u jagħti ħajtu.”
Għalhekk Monsinjur Arċisqof temm l-omelija billi ħeġġeġ lis-seminaristi biex huma u jagħtu ħajjithom għall-Evanġelju ma jibżgħux ixandru lil Ġesù li huwa msallab.
Il-funzjoni xxandret live fuq il-youtube channel tal-Knisja f'Malta (The Church in Malta). Għadek tista' ssib u ssegwi din il-funzjoni u oħrajn.

Ritratt: Uffiċċju Kommunikazzjoni Kurja