Aġġornata (1): ‘Bżonn ta’ pjan strateġiku fit-tul għall-edukazzjoni’ – PN

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li Malta għandha bżonn pjan fit-tul għall-edukazzjoni.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar l-edukazzjoni li saret fid-Dar Ċentrali t-Tlieta u li matulha tkellmu l-Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, u l-Kandidat u l-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech. Kien hemm preżenti ukoll il-kandidat għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali għas-Siġġiewi l-Professur Joseph Grima, l-kandidat għall-Mellieħa Alfred Mifsud u l-kandidat għal Ħ’Attard Martin Musumeci.

Puli sostna li l-Gvern għandu bżonn analiżi serja biex ikun hemm pjan strateġiku għall-early school leavers filwaqt li rrefera għall-istatistika Ewropea. Puli saħaq li l-Gvern għandu jara x’miżuri ulterjuri hemm bżonn biex il-miri li saru jintlaħqu.

B’referenza għall-manifest għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Partit Nazzjonalista saħaq li huwa ressaq bosta proposti sabiex tiġi indirizzata l-iskills gap.

Liġijiet copy paste jxekklu lil 200 persuna li jrabbu n-naħal – Agius

Dr Peter Agius, il-kandidat Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej, qal li f’Malta hawn 200 persuna li jrabbu n-naħal, li huma vittmi ta’ implimentazzjoni tal-liġijiet Ewropej ‘copy paste’ li fi kliemu mhumiex adattati għal Malta.

Dr Agius fisser li liġijiet imfassla għall-Polonja u Franza, fejn l-agrikoltura hija 100 darba ikbar minn dik f’Malta, jagħmluha impossibli għall-Maltin biex jibbenefikaw minn finanzjament Ewropew. Il-finanzjament huwa sussidju ta’ €125 għal kull kaxxa tan-naħal.

Kompla jgħid li r-regoli tal-UE f’dan il-każ setgħu ġew adattati għas-sitwazzjoni partikolari tagħna u jgħinu lil min irabbi n-naħal fl-isforzi nobbli tagħhom li jipproteġu l-Apis Mellifera Rutneri, naħla endemika li hija adatta ħafna għat-territorju Malti.