Liġi Żwieġ: Il-Gvern ma jilqax il-proposti tal-Oppożizzjoni

Ma kinux milqugħa mill-Gvern, l-emendi kollha li l-Oppożizzjoni ressqet dwar l-abbozz ta’ liġi dwar  l-Att dwar iż-Żwieġ, fil-Kumitat Parlamentari għall-Kunsiderazzjoni tal-Abbozzi, li ltaqa’ llum waranofsinhar.
Il-parti l-kbira tal-emendi huma dwar it-terminoloġija, fost l-oħrajn li l-liġi żżomm il-kliem ‘omm’ u ‘missier’.
Id-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco stqarr li l-Oppożizzjoni ma tridx iddgħajjef il-kunċett tal-ugwaljanza għax hi favur il-kliem li jippromwoviha. Madanakollu, żied jgħid, li l-Oppożizzjoni temmen li għandha tibqa’ l-għażla, minflok li jkun hemm definizzjoni uniformi għal kulħadd.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Helena Dalli qalet li ma taqbilx mal-proposti tal-Oppożizzjoni, minħabba li l-Gvern li tagħmel parti minnu jemmen f’termini newtrali dwar il-ġeneru. Żiedet tgħid li dan mhux supermarket.
Il-Kumitat iddiskuta wkoll il-proċess tat-testijiet ġenetiċi, bl-Avukat Ġenerali jgħid li t-test tad-DNA huwa l-akbar prova dwar il-paternità. 
L-emendi tal-Oppożizzjoni m’għaddewx wara li l-membri tal-Gvern ivvutaw kontra.
Id-dibattitu jkompli għada fis-2pm.
"Il-PN fuq in-naħa t-tajba tal-istorja" – David Casa u Roberta Metsola
Sadanittant, aktar kmieni, l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti David Casa u Roberta Metsola qalu li l-Partit Nazzjonalista ħa ħsieb li jkun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja bil-pożizzjoni li ħa dwar l-ugwaljanza fiż-żwieġ.
Fi stqarrija konġunta, iż-żewġ MEPs sostnew li l-liġi dwar iż-żwieġ gay isseddaq l-ugwaljanza fis-setturi kollha tas-soċjetà.
L-istqarrija tkompli tgħid li t-twemmin għall-ugwaljanza jitwieled minn sens ta’ dak li hu tajjeb, irrelevanti minn dak li l-midja tipproġetta jew il-politiċi jgħidu.
Temmew jgħidu li bħala rappreżentanti tal-PN fl-Ewropa jħossuhom kburin li jissapportjaw lill-Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil, f’dir-realtà leġiżlattiva.