Liġi li tirrikonoxxi d-Drittijiet ta’ Riproduzzjoni bħala Drittijiet Umani

Id-dritt tar-riproduzzjoni hu dritt uman

Nhar it-Tnejn li għadda fil-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti tressaq abbozz ta’ liġi li l-iskop tiegħu hu li d-Dipartiment tal-Istat Amerikan jinkludi “id-drittijiet tar-riproduzzjoni tat-trabi” fir-rapport li jagħmel kull sena dwar id-drittijiet umani.

L-abbozz intitolat “Id-Drittijiet ta’ Riproduzzjoni huma Drittijiet Umani” tressaq mid-Deputat Republikana Katherine Clark u tpoġġa quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Affarijiet Barranin.

Fir-Rapport tas-sena li għaddiet, l-amministrazzjoni ta’ Trump minflok “drittijiet ta’ Riproduzzjoni” kienet inkludiet “kontroll ta’ riproduzzjoni sfurzat”. Gruppi Favur il-Ħajja kien faħħru dik id-deċiżjoni.

Il-kliem “drittijiet riproduttivi” kien ewfemiżmu għall-“qtil tal-ħajja umana fil-ġuf”, qalet Lila Rose, President tal-Grupp Favur il-Ħajja “Live Action”. Din kienet meqjusa bħala frażi li tagħti s-saħħa li  wieħed joħnoq lit-tfal qabel jitwieldu, sostniet Rose.

Stqarrija minn Katherine Clark qalet li meta s-sena li għaddiet “id-Dipartiment tal-Istat kien neħħa mir-rapport tiegħu d-drittijiet tan-nisa din kienet bidla perikoluża mill-isforzi tal-Istati Uniti li jipproteġu d-drittjiet tal-mara fuq livell internazzjonali”.

Il-liġi mressqa minn Clark għandha tassigura li d-Dipartiment tal-Istat Amerikan jibqa’ jżomm ir-rwol importanti tiegħu bħala għassies u protettur tad-drittijiet tal-mara fuq livell internazzjonali, irrispettivament mill-ideoloġija ta’ min ikun hemm fil-White House.

L-Abbozz li kien sekondat mill-membru parlamentari Republikana, Rita Lowey,  kien milqugħ minn 45 organiżazzjoni fosthom iċ-Ċentru għad-Drittijiet ta’ Riproduzzjoni, l-Assoċjazzjoni Amerikana tal-Psikoloġi u l-Federazzjoni Amerikani tal-Ippjanar tal-Familja.
Ir-Rapport tad-Dipartiment tal-Istat, bħalissa jinkludi sezzjoni ntitolata “Kontroll tal-Popolazzjoni Furzat”. Fl-abbozz il-ġdid se jkun hemm taqsima “Il-Mara” li se tinkludi rapporti dwar abort furzat, steriliżazzjoni involontarja u metodi furzati ta’ kontroll tal-popolazzjoni.