Liġi li tipproteġi d-dritt tal-oġġezzjoni tal-kuxjenza mit-tobba approvata mit-tieni qari

It-tobba u paramediċi fl-Ingilterra jista’ jkollhom protezzjoni akbar jekk jirrifjutaw li jieħdu sehem fi proċeduri mediċi li jmorru kontra t-twemmin reliġjuż tagħhom, wara li l-Kamra tal-Lords Ingliżi approvat mit-tieni qari liġi li tagħtihom dritt joġġezzjonaw b’kuxjenza.

Il-Kamra kienet qed tiddibatti dik li hi magħrufa bħala l-“Conscientious Objection (Medical Activities) Bill li għandha l-iskop li “tikkjarifika sa fejn prattikant fil-mediċina li jkollu oġġezzjoni ta’ kuxjenza jista’ ma jipparteċipax f’xi ħidma medika”.

L-Abbozz tressaq mill-Barunessa O’Loan li riedet tindirizza tħassib dejjem aktar jikber fost il-professjoni medika li minħabba t-twemmin tagħhom qed jiffaċċjaw ħafna diskriminazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol.

Tobba, infermiera, qwiebel, spiżjara u professjonisti mediċi oħra li għandhom valuri morali, filosofiċi jew reliġjużi sodi qed isibu li sezzjonijiet fil-professjoni medika mhux qed jilgħuhom.
Il-Barunessa O’Loan, li qabel serviet ukoll bħala Ombudsman tal-Pulizija u Ċerpersin tal-Kummissjoni għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Umani, qalet li “din hi liġi importanti u f’waqtha li għandha ssib l-appoġġ taż-żewġ kmamar tal-Parlament. Li nakkomodaw il-kuxjenza ta’ dawn il-professjonisti hi kwestjoni ta’ libertà u ta’ ugwaljanza għal-libertà individwali u l-inklużjoni soċjali”.

“Ħadd m’għandu jkun imġiegħel jirriskja l-karriera tiegħu jekk ma jmurx kontra l-kuxjenza. Hu inkonsistenti mal-prinċipji tal-liġijiet tal-ugwaljanza li sezzjonijiet sħaħ tas-soċjetà jkunu esklużi milli jidħlu fil-professjoni medika minħabba t-twemmin morali tagħhom. Nittama li l-liġi ssib l-appoġġ tal-pajjiż kollu biex nirranġaw dan id-defiċit ta’ drittijiet u protezzjonijiet legali”, żiedet tgħid il-proponent tal-abbozz.

B’mod prattiku l-liġi trid tipproteġi lil min għal raġunijiet ta’ kuxjenza ma jkunx lest jipparteċipa fit-twettiq tal-abort u l-ewtanażja. Ħadd m’għandu jkun imġiegħel jagħżel bejn ix-xogħol u l-fidi.

Il-libertà tal-kuxjenza hi dritt fundamentali skont il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.