Liġi li tillimita l-espressjoni reliġjuża – Life Network

Read in English.

Il-Life Network fi stqarrija qalet li l-abbozzi dwar l-ugwaljanza jdgħajfu u jillimitaw serjament il-libertà reliġjuża u tal-espressjoni. Huma spjegaw li b’dak li qed jiġi propost se tkun maħnuqa l-libertà li l-iskejjel Kattoliċi jew dawk privati ispirati minn ethos Kattoliku jgħallmu dak li jemmnu fih.

Fissru li dawn l-abbozzi jesponu lill-iskejjel Kattoliċi għal miżuri kontra tagħhom sempliċiment għax japplikaw it-tagħlim Kattoliku f’suġġetti bħall-etika, ix-xjenza, u l-filosofija.

Semmew ukoll li l-provedimenti tal-liġi proposta jillimitaw id-drittijiet tal-iskejjel tal-Knisja fl-ingaġġ ta’ persuni li fil-ħajja privata tagħhom ma jsegwux it-tagħlim Nisrani. Skont il-Lifework dan se jwassal biex jitnaqqru u jdgħajfu l-karattru, l-identità u l-awtonomija tal-iskejjel tal-Knisja.

Fost ir-riservi li għandhom isemmu wkoll it-termini użati fl-abbozzi li jgħidu li huma vagi u vasti. Spjegaw li dan jagħti lok għal interpretazzjoni wiesgħa li tista’ toħloq diżgwid u problemi f’diversi setturi.

Simboli reliġjuż illegali jekk mhux kulturali

Fl-istqarrija tagħhom, il-Life Network jagħmlu referenza wkoll għar-reklamar, xandir jew anki diskors fejn jingħad li ż-żwieġ huwa bejn mara waħda u raġel wieħed. Jgħidu li dan “sakemm ma jsirx f’parametri limitati ħafna u li ma humiex ċari”.

Jistqarru li skont dawn l-abbozzi, simboli reliġjużi fit-toroq se jiġu permessi biss jekk għandhom “valur kulturali”. Qalu li l-valur kulturali se jiddeċiduh persuni lajċi u mhux il-Qorti.

Kummissarju dwar l-Ugwaljanza jaħtru min irid il-Gvern

Għalkemm il-Kummissarju dwar l-Ugwaljanza huwa maħtur bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-membri parlamentari, il-liġi tgħid li jekk wara ċans ta’ darbtejn din il-maġġoranza ma tintlaħaqx, jinħatar b’maġġoranza ta’ wieħed. Il-Life Network spjegat li dan jista’ jwassal biex jiġi maħtur mill-Gvern. Saħqu li dan “ma jiggarantixxix kredibilità lill-kariga”.

Liġi li tmur kontra l-Kostituzzjoni

Intqal li dawn l-abbozzi jmorru kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta minħabba li jagħtu dritt lill-Bord li jimponi pieni amministrattivi li jlaħħqu għexieren ta’ eluf ta’ Ewro.

Dan minħabba li skont kif ġie spjegat, hemm diversi sentenzi kostituzzjonali li jgħidu li dan tista’ tagħmlu biss qorti u mhux xi kummissjoni jew bord.

Il-pożizzjoni tal-Life Network tinsab hawn.