​Liġi li tiddiskrimina bejn il-partiti – Chris Said

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said akkuża lill-Partit Laburista li, kif tidħol fis-seħħ il-liġi tal-finanzjament tal-partiti politiċi minn Jannar li ġej, se jitlaq b’vantaġġ fuq partiti oħra.
Dan għaliex qed igawdi minn propjetajiet mogħtija mill-Gvern u oħrajn meħuda mill-privat. Saħaq li b’hekk qed issir diskriminazzjoni kontra l-partiti l-oħra, li tmur kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Qal li jekk il-liġi ma tindirizzax dan l-aspett, il-PN jara l-mezzi kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jara li ma jibqax jiġi diskriminat.
Chris Said saħaq li l-liġi, li dwarha kompliet id-diskussjoni fil-Parlament din il-ġimgħa wara li kienet bdiet tiġi diskussa f'Lulju, għandha tindirizza wkoll il-finanzjament tal-partiti mhux biss mil-lat ta’ donazzjonijiet.