Liġi li se toffri għajnuna lill-vittmi tal-gwerra fl-Iraq u s-Sirja

Waħda mill-knejjes imfarrka mill-ISIS fl-Iraq se tkun tista' terġa' tinbena b'għajnuna Amerikana

Aktar kmieni din il-ġimgħa il-Kungress Amerikan approva liġi msejħa “Iraq and Syria Genocide Relief and Accountability Act.  Il-liġi kienet approvata wara sentejn sħaħ ta’ diskussjonijiet u kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħat tal-Kungress.

L-isqfijiet Amerikani, permezz tal-Kumitat għall-Ġustizzja u l-Paċi fid-Dinja urew is-sodisfazzjon tagħhom għal din il-liġi importanti li permezz tagħha se tingħata għajnuna umanitarja lill-vittmi tal-Ġenoċidji fl-Iraq u s-Sirja filwaqt li żżomm lill-ISIS responsabbli għal dawn il-ħruxijiet.

“Illum ingħata sinjal ta’ tama għall-persuni vulnerabbli f’dawn ir-reġjuni. Nixtiequ nirringrazzjaw lid-Deputat Chris Smith, Republikan li ressaq din il-liġi u lid-Deputat Anna Eshoo, Demokratika li ssekondat il-liġi, kif ukoll lill-President Trump li iffirmaha”, qal l-Arċisqof Timothy Ambrogio li hu Kappillan tal-Militar Amerikan u Chairman tal-Kumitat Ġustizzja u Paċi tal-Knisja.

Fl-2002 fl-Iraq kien hemm 1.4 miljun nisrani, li niżlu għal nofs miljun fl-2013 u l-lum fadal biss 200,000 wara li l-ISIS wettqu kampanja ġenoċida fir-reġjun. Ħafna mill-insara li għad fadal fl-Iraq huma mferrxa u jinħtieġu għajnuna urġenti biex jirritornaw lejn djarhom u jibqgħu fl-Iraq. Wara l-invażjoni tal-ISIS, 60,000 Yazidis ħarbu lejn l-Ewropa u mill-550,000 li għadhom fil-pajjiż, 280,000 huma bla dar u 20% biss irnexxielhom jirritornaw f’Sinjar li storikament hi arthom

Il-Knisja Kattolika b’mod konsistenti tkellmet u tat appoġġ lil dawk l-aktar vulnerabbli li qed jiffaċċjaw il-persekuzzjoni fil-Lvant Nofsani u madwar id-dinja.

Il-Papa Franġisku ikkundanna kemm il-darba il-persekuzzjoni, it-tortura u l-qtil ta’ nsara fil-Lvant Nofsani u ddeskriva l-persekuzzjoni bħala forma ta’ ġenoċidju li għandu jieqaf u kkundanna l-kunflitti li poġġew fil-periklu l-ħajja ta’ ħafna nies.  L-Isqfijiet Amerikani ngħaqdu mal-Papa fil-kundanna ta’ dawn l-atti ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet ta’ reliġjon u oriġini etnika.