Liġi ġġiegħel saċerdoti jirrappurtaw ammissjonijiet ta’ abbużi li jisimgħu fil-qrar

L-Assemblea Leġislattiva ta’ Canberra, fl-Awstrlja fis-7 ta’ dan ix-xahar approvat liġi li ġġiegħel lill-qassisin kattoliċi biex f’ċerti każi jiksru s-sigriet tal-qrar.

L-iskop tal-Liġi magħrufa bħala Ombudsman Amandment Bill 2018 hu li jespandi l-Iskema ta’ Kondotta Rapportabbli li titkellem dwar allegazzjonijiet ta’ abbużi fuq it-tfal, biex tinkludi wkoll organiżazzjonijiet reliġjużi.

Issa d-djoċesi ta’ Canberra għandha disa’ xhur biex tinnegozja mal-Gvern kif se taħdem din il-liġi fil-każ tal-qrar, qabel tidħol fis-seħħ effettivament.

L-Arċisqof Christopher Prowse ta’ Canberra f’artiklu f’gazzetta lokali qal li hu jaqbel li l-iskema kellha tkun riveduta iżda mhux se jappoġġja l-ksur tas-sigriet tal-qrar. Dan il-bżonn mhux se jnaqqas l-abbużi u anqas itejjeb is-sigurta’ tat-tfal f’organiżazzjonijiet kattoliċi.

Apparti l-fatt li min jabbuża mit-tfal mhux se jmur iqerr l-abbuż tiegħu la lill-pulizija u anqas lill-qassis, din il-liġi qed thedded il-libertà reliġjuża tal-kattoliċi. “Il-Gvern qed jhedded il-libertà reliġjuża billi jaħtar lilu nnifsu espert fuq il-prattika reliġjuża u jipprova jbiddel is-sagrament tal-qrar bla ma jikseb ebda titjib  fis-sigurtà tat-tfal”, kiteb l-Arċisqof.

F’April li għadda l-Prim Ministru ta’ New South Wales qalet li s-sigriet tal-qrar għandu jkun indirizza mill-Kunsill tal-Gvernijiet Awstraljani u mhux minn xi stat wieħed f’iżolament. Sostniet li dawn huma kwestjonijiet kumplessi li jridu jkunu bilanċjati mal-libertajiet reliġjużi tan-nies.