Liġi ġdida li titlob li l-aġenti tal-propjetà u s-sensara jkollhom liċenzja

DOI: Kevin Abela

Read in English.

Fil-ġranet li ġejjin se tidħol fis-seħħ liġi li tirrikjedi li tinħareġ liċenzja għall-aġenti tal-propjetà immobbli, sensara tal-propjetà u konsulenti tal-propjetà.

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet Chris Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Agius qal li wara xhur ta’ laqgħat mal-istakeholders ewlenin fis-settur, l-FIAU u anke l-MCAST, kif ukoll proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, il-Parlament approva din il-liġi. Il-liġi se tesiġi li kull persuna li tkun involuta bħala intermedjarja f’bejgħ ta’ propjetà, trid tkun illiċenzjata, ħlief għal dawk li ma jwettqux aktar minn żewġ tranżazzjonijiet fis-sena.

Kull persuna li se taħdem bħala aġent tal-propjetà, konsulent tal-propjetà, maniġer ta’ fergħa u sensar tal-propjetà għandu jkollha ċertifikat li juri li tkun attendiet kors f’istituzzjoni akkreditata, li jkollu tal-anqas 12 jew 8 ECTS f’livell 4. Kull liċenzja se tkun valida għal 5 snin u tkun tista’ tiġġedded jekk il-persuna liċenzjata tissodisfa l-kriterji mitlubin mill-Bord.

Is-Segretarju Parlamentari qal li hu konvint li din il-liġi se ġġib aktar trasparenza u aktar serħan il-moħħ għal kull min imiss mas-settur.