Liġi ġdida li tipproteġi lil dawk il-persuni li qed jikkoabitaw

Persuni mhux miżżewġin la bil-Knisja u lanqas biċ-Ċivil, u li kienu qed jgħixu flimkien, issa għandhom qafas legali li jipproteġi r-relazzjoni tagħhom.
Dan hekk kif il-Parlament Malti għadda l-liġi tal-koabitazzjoni.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Helena Dalli, qalet li dil-liġi tfasslet wara proċess ta’ konsultazzjoni teknika kemm mal-Kamra tan-Nutara kif ukoll mar-Reġistru Pubbliku.
Sostniet li dil-liġi kompliet isseddaq soċjetà li tirrispetta aktar l-għażla tal-persuna li tkun; tiżżewweġ, tidħol f’unjoni ċivili, tidħol f’koabitazzjoni, jew finalment li ma tagħmel xejn minn dan.
Hija rrimarkat li l-Gvern għandu d-dmir jipprovdi dawn l-istrutturi sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jirregolaw ir-relazzjonijiet tagħhom.
Id-Direttur fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni, Silvan Agius, enfasizza iżda li dil-liġi għandha restrizzonijiet simili għal dik tal-miżżewġin.
Fost l-oħrajn, il-persuni li jikkoabitaw ma jistgħux ikunu taħt l-età, aħwa, inkella persuni li diġà skont il-liġi huma miżżewġin jew qed jikkoabitaw ma’ persuna oħra.
Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott