Liġi ġdida għall-billboards

Il-Gvern se jkun qed jippubblika Avviż Legali li permezz tiegħu se jiddaħħlu fis-seħħ regoli ġodda għall-billboards u l-bike sharing.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg u mis-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Chris Agius.
Il-Ministru Borg spjega kif wara proċess ta’ konsultazzjoni li sar f’April tal-2017, il-Gvern se jirregola aħjar is-suq tal-billboards.
Dan se jseħħ permezz ta’ titjib fil-proċess tal-applikazzjoni, li issa se jikkonsisti f’linja diretta ta’ komunikazzjoni bejn it-tliet entitajiet, l-Awtorità tal-Ippjanar, Transport Malta, u l-Awtorità tal-Artijiet.
Il-Ministru spjega kif dan se jkun qiegħed inaqqas l-abbużi, hekk kif l-operaturi se jiġu obbligati li jħallsu dak li huwa dovut lill-poplu talli jkunu qegħdin jagħmlu użu minn art pubblika għal skopijiet kummerċjali. Intqal li flimkien ma’ dan kollu se jkun hemm element b’saħħtu ta’ infurzar.
Intqal ukoll li se jkun projpit li jitwaħħlu r-reklami f’siti jew żoni skedati, fil-kampanja, ma’ ħitan tas-sejjieħ, siġar jew arbli tad-dawl, u maġenb il-kosta.
10 siti għall-billboards tal-għaqdiet
Il-Ministru Borg ħabbar ukoll li Transport Malta se tiddentifika 10 siti biex jitqiegħdu billboards għall-benefiċċju tal-għaqdiet non-governattivi peress li waqt il-konsultazzjoni dawn urew li jkollhom ix-xewqa li jużaw dan il-mezz, li finanzjarjament għalihom mhuwiex vijabbli.
Regoli ġodda għal bike sharing
Se jinħarġu wkoll linji gwida għall-operaturi tal-bike sharing, servizz għal min jixxerja vjaġġ bir-rota.
Il-Ministru qal li għaddejja ħidma ta’ promozzjoni għal mezzi alternattivi ta’ trasport u għalhekk inħasset il-ħtieġa li jiġi rregolarizzat is-suq tal-bike sharing. Aċċerta li dan qed isir biex l-infrastruttura ta’ dan is-servizz ma tkunx ta’ detriment għall-ambjent jew ta’ ostaklu għall-aċċessibilità għall-binjiet u fuq il-bankini jew għall-viżibilità tas-sewwieqa.
It-tibdil jinkludi wkoll ħlasijiet ta’ permessi u liċenzja minn dawk kollha li jixtiequ joperaw b’dan il-kunċett, iżda l-ħlas qiegħed jinżamm fuq livell minimu sabiex is-servizz l-mezzi alternattivi jingħataw spinta.