Liġi ġdida dwar djar battala mwaħħlin fi ġlied bejn is-sidien

Mil-lum tidħol fis-seħħ il-liġi li tgħin biex jinbigħu iktar proprjetajiet battala li jkunu mweħħlin fi ġlied bejn is-sidien
L-emendi għall-Kodiċi Ċivili mwettqa permezz tal-Att 14 tal-2016 li għandhom l-għan li tonqos il-proprjetà vojta, mitluqa u mhux użata billi jiġi faċilitat il-bejgħ tagħha anke meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil bejn is-sidien.
Permezz tal-emendi mil-lum qed jitqassar għal tliet snin iż-żmien fejn dawk li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma fi proprjetà miżmuma in komun u jiddeċiedu li jridu jbiegħu dik il-proprjetà jkunu jistgħu jitolbu lill-Qorti tapprova il-bejgħ propost minnhom, diment li dan ikun taħt kondizzjonijiet ġusti u reali.
Iż-żmien ta’ tliet snin japplika b’effett immedjat, li jfisser li dawk il-proprjetajiet li ilhom mill-1 ta’ April 2013 jew qabel, jistgħu jibbenefikaw minn din il-liġi l-ġdida. 
Qabel id-dhul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-perjodu ta’ żmien li wieħed kien irid jistenna qabel il-maġġoranza tal-ishma tkun tista’ titlob lill-Qorti biex tbiegħ kien ta’ għaxar snin jew, f’ċerti każijiet, ħames snin.