Liġi ġdida Awstraljana tista’ tittimbra lill-qassisin “aġenti tal-Vatikan”

L-Isqfijiet Awtraljani wissew li liġi ġdida li qed tkun proposta fil-pajjiż tista’ ġġiegħel lill-qassisin, u potenzjalment lil kull Kattoliku impenjat, biex jirreġistra bħala ‘aġent barrani’ tal-Vatikan.
L-Isqof Robert McGuckin ta’ Toomoomba qal lill-Kumitat Parlamentari: “Il-Kattoliċi jsegwu lil Ġesù Kristu u mhumiexaġenti ta’ xi gvern barrani”.
Għalkemm il-liġi fiha eżenzjoni għall-gruppi reliġjużi, l-abbozz jgħid ukoll li l-Knisja Kattolika hi affiljata mal-Vatikan, u dan iħalli lis-saċerdoti u l-lajċi impenjati esposti li jitqiesu bħala aġenti barranin.
Il-liġi se titlob li dawk li jaħdmu għal forzi barranin li jiżvelaw l-istatus tagħhom f’reġistru apposta jew jiffaċċjaw akkużi kriminali.
“Irrid nagħmilha ċara li assolutament ma naqbilx mal-karattru tal-Knisja Kattolika kif imniżżel fil-memorandum spjegattiv tal-liġi”, sostna l-Isqof McGuckin. “Jidher li kull Kattoliku impenjat se jkollu jirreġistra u jirrapporta. L-intenzjoni tal-liġi mhix ċara”.
L-Isqof għamel dawn il-kummenti fil-bidu ta’ smigħ pubbliku ta’ jumejn dwar dan l-abbozz ta’ liġi.
Il-Konferenza Episkopali Awstraljana diġà kitbet lill-Kumitat Parlamentari meta qalet li l-“l-abbozz hu bażat fuq twemmin żbaljat li l-Knisja Awstraljana taħdem f’isem il-Vatikan”.
Il-Membru Parlamentari Liberali Andrew Hastie, li hu l-Kap tal-Kumitat tal-Parlament dwar l-Intelligence u s-Sigurtà, qal li skont is-servizzi tas-sigurtà fil-pajjiż “hemm livell bla preċedent ta’ spjunaġġ u ndħil barrani”.
Sostna li l-liġi hi maħsuba biex tipproteġi l-Awstralja u l-interessi tagħha.
Sadanittant, l-Avukat Ġenerali tal-pajjiż ma weġibx mistoqsijiet dwar ċerti punti tal-abbozz ta’ liġi u qal biss li “l-liġi hi important u saret fil-kuntest ta’ proċess kritiku biex nimmodernizzaw il-liġi u nagħmlu mill-Awstralja pajjiż aktar sigur, imma se neżaminaw bir-reqqa s-sottomissjonijiet kollha li nirċievu”.
Il-misja Awstraljana diġà ddikjarat li mhux se tappoġġja din il-liġi jekk ma jkunx hemm eżenzjonijiet għall-ġurnalisti.