Liġi Finanzjament Partiti: Il-PN jitlob aktar diskussjoni, il-Gvern se jgħaddiha qabel is-sajf

Il-Partit Nazzjonalista talab lill-Gvern, biex qabel ma jgħaddi l-liġi tal-finanzjament tal-partiti mill-istadji kollha fil-Parlament, jaħtar Working Group bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Dan sabiex fi żmien xahar jippreżenta rapport lill-Parlament bi proposti konkreti għall-finanzjament mill-Istat lill-partiti politiċi fuq mudelli Ewropej.  
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li din it-talba saret b’ittra mill-Viċi Kap Beppe Fenech Adami lill-Ministru Owen Bonnici. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li fuq dan għandu jkun hemm qbil ħalli l-proċess politiku f’Malta jgawdi aktar leġittimità minn kulħadd u jkun hawn assigurazzjoni akbar li l-proċess politiku jkun qed jaħdem għall-ġid kollettiv.
B’reazzjoni għal dan, fi stqarrija l-Gvern qal li l-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti ma tistax tistenna iktar għax se timponi regoli ċari dwar kif il-partiti politiċi jistgħu jiġbru fondi mid-donazzjonijiet u jimmaniġjaw il-flus tagħhom.
Il-Gvern sostna li Malta qiegħda taħt eżami minn entitajiet internazzjonali bħall-GRECO fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, li wissew li l-liġi ma tistax iddum iktar ma tidħol fis-seħħ. Saħaq li għalhekk, li l-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti għandha tgħaddi mill-Parlament skont kif pjanat, jiġifieri qabel il-waqfa għas-sajf.