Liġi fil-Polonja biex tipprojbixxi abort fuq feti mhux perfetti

Kelliem għall-Knisja Pollakka ċaħad li teżisti xi theddida ta’ sanzjonijiet mill-Unjoni Ewropea kontra pajjiżu jekk il-Parlament japprova liġi, li għandha l-appoġġ tal-Knisja Kattolika, biex ma jħallix li jsiru aborti ta’ feti b’diżabilità.
“Il-Konferenza Episkopali tal-Polonja tenfasizza li d-dritt għall-ħajja hu fundamentali għal kull uman, u għalhekk għandna niddefendu dan id-dritt għal tfal bla difiża. Ħadd ma jista’ jċaħħad dan id-dritt, u la pressjoni interna u anqas dik esterna ma jistgħu jibdlu l-fatt xjentifiku ppruvat li l-ħajja umana tibda mal-konċepiment”, qal Fr Pawel Rytel-Andriank, li huwa l-kelliem għall-Isqfijiet Pollakki.
Il-Parlament Ewropew qal li kien lest jitlob azzjoni mill-Unjoni Ewropea jekk il-leġislaturi japprovaw miżuri restrittivi li għandhom l-appoġġ ta' 830,000 Pollakk, kif tixhed il-petizzjoni li tressqet quddiem is-Sejm – il-Kamra tad-Deputati – fit-30 ta’ Novembru li għadda.
F’intervista li ta fil-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-kelliem għall-Isqfijiet tal-Polonja qal li wieħed ma jistax jikkalkula minn qabel l-impatt tat-theddid tal-Parlament Ewropew, li qed jiġi kkritikat bħala ndħil minn xi politiċi f’dan il-pajjiż tradizzjonalment Kattoliku.
“Ir-riċerka turi kif it-tfal jiżviluppaw qabel it-twelid, u allura din mhix biss kwistjoni ta’ reliġjon, imma hi wkoll fatt xjentifiku”, qal Fr Rytel-Andrianik.
Fil-15 ta’ Novembru, Riżoluzzjoni quddiem il-Parlament Ewropew kienet tgħid li membri tal-imsemmi Parlament lesti jinvokaw Artiklu 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u jitolbu s-sospensjoni tal-Polonja mill-Kunsill tal-Unjoni, jekk il-pajjiż jibqa' għaddej b’riformi ġudizzjarji kontroversjali jew jekk iwaqqaf milli jsiru aborti fuq feti b’diżabilità.
Ir-Riżoluzzjoni żiedet tgħid li dawn il-miżuri kienu jmorru b’mod serju kontra l-valuri Ewropej, u ħeġġet lill-Polonja biex tieħu pożizzjoni favur id-drittijiet tal-mara billi tħallilha aċċess għall-kontraċezzjoni bla ebda diskriminazzjoni.
Il-kelliem għall-Isqfijiet qal li d-diskors ta’ sanzjonijiet mill-Unjoni Ewopea waslu meta l-Polonja kienet għaddejja minn tibdil kumpless, li wassal għar-riżenja tal-Prim Ministru Beata Szydlo, li kienet favur l-inizjattiva favur il-ħajja.
Sostna li l-Isqfijiet Pollakki se jibqgħu jappoġġjaw l-imsemmi abbozz ta’ liġi, li mistenni jidħol fis-seħħ kmieni s-sena d-dieħla.
“Il-liġijiet tagħna, sal-lum ma jipproteġux biżżejjed il-ħajja umana; jippermettu l-abort ta’ trabi mhux mwielda li b’xi mod ma jkunux trabi perfetti, u 90% ta’ dawn ikun trabi bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome. Jekk il-ġenituri jiddeċiedu li ma jrabbux it-tarbija, jistgħu jagħtuha għall-addozzjoni, u fil-pajjiż hawn ħafna familji lesti li jrabbu lil dawn it-tfal”, sostna Fr. Andrianik.