Liġi ffriżar: Tgħaddi mill-istadju ta’ kumitat

Il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni għaddiet mill-istadju ta’ kumitat parlamentari.

Skont il-Partit Laburista (PL), l-attitudni tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat għall-Abbozzi ta’ Liġijiet turi li l-Oppożizzjoni ma tifhimx il-weġgħat tal-familji li għandhom bżonn bidla fil-liġi.

Fi kliem il-PL, il-Gvern huwa lest li jisma’ biex itejjeb l-affarijiet filwaqt li jżomm mal-prinċipji tal-liġi.

Skont il-Partit Nazzjonalista, in-nies ma ngħatawx l-assigurazzjoni li kienu qed jistennew li bl-emendi għat-tibdil fil-liġi kienet se tiġi mħarsa l-ħajja umana.

Il-PN qal li “l-Gvern ma aċċetta l-ebda emenda mressqa” u biddel ukoll il-proviżjonijiet mal-iffriżar tal-embrijuni biex iżid in-numru ta’ embrijuni li jistgħu jiġu ffriżati.

524 tabib kienu ffirmaw dikjarazzjoni kontra l-iffriżar tal-embrijuni li ġiet ippreżentata lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Il-Ħadd li għadda l-Prim Ministru Joseph Muscat semma kif wara li saret konsultazzjoni, il-Gvern għamel xi emendi. Stqarr li l-kwistjoni tal-kiri tal-ġuf se tiġi ttrattata b’mod separat, filwaqt li fi kliemu ġie aġġustat il-punt tal-anonimità tad-donatur. 

Ir-rappreżentanta tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qalet li l-liġi ma tiksirx il-Konvenzjoni tat-Tfal.

Illum id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li l-Oppożizzoni temmen li l-iffriżar tal-embrijuni għandu jkun eċċezzjoni u mhux ir-regola.

Chris Fearne qal li l-emenda biex jiġu ffertilizzati ħames bajdiet qed issir biex jonqos l-ammont ta’ embrijuni ffriżati.

Il-konsulent Mark Sant qal li ma jfissirx li issa se jkun hemm ħames embrijuni.

Life Network Malta “ferm diżappuntata”

F’reazzjoni għall-vot tal-lum, il-Fondazzjoni Life Network Malta qalet li tinsab “ferm diżappuntata”.

Qalet li dawn l-emendi ma jagħtux  każ id-drittijiet tat-tfal li jitwieldu minn dawn il-proċeduri.

Fi stqarrija, il-Fondazzjoni qalet li jista’ jsir  l-iffertiliżżar ta’ massimu ta’  ħames bajdiet fl-ewwel ċiklu tat-trattament, bil-possibiltà li jkun hemm ħames embrijuni. Tlieta minnhom jispiċċaw iffriżati.

Qalet ukoll li “embrijun jista’ jagħmel sa massimu ta’ 20 sena fil-friża sakemm il-mara jkollha 48 sena. L-embrijuni mbagħad jistgħu jitpoġġew għall-addozzjoni.

Fil-fehma tal-Life Network Malta, l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni dwar din il-liġi ma kienx “fl-ispirtu ta’ kif issuġġeriet il-President ta’ Malta”.