Liġi ffriżar embrijun: Prof. Azzopardi dwar x’għandu jinbidel

Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta Prof. Andrew Azzopardi qal li l-emendi proposti mill-Gvern għal-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni se jnaqqsu mill-attenzjoni lejn id-dinjità u l-protezzjoni tal-embrijun.
Fi stqarrija, id-Dekan qal li l-perjodu ta’ konsultazzjoni dwar il-liġi kien qasir wisq u li l-emendi qed isiru bl-għaġla.
Azzopardi stqarr li ma jemminx li l-emendi proposti jaħsbu biżżejjed għall-embrijuni żejda. Qal ukoll li jekk wieħed jagħżel liema embrijuni jiġu impjantati fil-ġuf, dan jista’ joħloq kwistjonijiet etiċi u ta’ ġustizzja soċjali.
“Jista’ jkun li t-tfal jidħlu f’relazzjoni ma’ xi ħadd li jiġi minnhom”
Dwar id-donazzjoni anonima tal-bajda tal-omm jew l-isperma tar-raġel, Azzopardi qal li dan jista’ jxekkel id-dritt tal-wild milli jkun jaf min huma l-ġenituri bijoloġiċi tiegħu. Qal li jista’ jkun ukoll li meta jikbru, it-tfal jidħlu f’relazzjoni ma’ xi ħadd li jiġi minnhom mingħajr ma jkunu jafu.
“Diffikultajiet biex tistabbilixxi jekk il-kiri tal-ġuf ikunx qed isir b’altruwiżmu”
Azzopardi qal li l-kiri tal-ġuf bi skop kummerċjali se jibqa’ jitqies bħala att kriminali. Madanakollu spjega li se jkun il-Ministru li jirregola l-kiri tal-ġuf altruwistiku permezz ta’ avviż legali. Fisser li se jkun hemm diffikultajiet biex wieħed jistabbilixxi jekk il-kiri tal-ġuf ikunx qed isir b’altruwiżmu.
Fl-istqarrija tiegħu Azzopardi elenka 10 riflessjonijiet:
1.     Il-ħajja tibda mal-fertilizzazzjoni
2.     Għandha tingħata għajnuna lill-koppji biex ikollhom it-tfal, imma mhux b’detriment għal ħajja oħra
3.     Ix-xewqa li wieħed ikollu t-tfal ma tirriżultax fi dritt biex wieħed ikollu t-tfal
4.     It-tfal għandhom ikunu jafu min huma l-ġenituri tagħhom
5.     Min jagħżel li jikri l-ġuf tiegħu mingħajr qatt ma jkun esperjenza tqala se jbati ħsara psikoloġika
6.     Fil-kiri tal-ġuf, il-liġi tagħżel min ikunu l-ġenituri legali
7.     Il-kiri tal-ġuf jista’ jimmanipula nisa foqra biex igawdi s-sinjur
8.     Fl-IVF huwa komuni li jiġu impjantati numru ta’ bajd, fil-kiri tal-ġuf jista’ jsir abort jekk il-fetu ma jilħaqx il-kriterji tal-ġenituri li jkunu “kkummissjonawh”
9.     Il-kiri tal-ġuf ibiddel l-identità materna tan-nisa f’oġġett
10.    Il-mistoqsija dwar jekk il-kiri tal-ġuf hux fl-aħjar interess tat-tfal hija essenzjali.