​Liġi ffriżar embrijun: Jien se nivvota kontra – Simon Busuttil

“Kif jafu l-kollegi tiegħi fil-Grupp Parlamentari jien dejjem tkellimt kontra l-kiri tal-ġuf, l-għoti tal-isperma u l-bajd tal-mara u l-iffriżar tal-embrijuni. Għalhekk se nivvota kontra.”
Hekk wieġeb Simon Busuttil lil Newsbook.com.mt meta kien mistoqsi dwar kif se jivvota dwar l-emendi proposti mill-Gvern issa li l-Kap Nazzjonalista ta’ free vote fuq l-istess emendi.
Huwa ddeskriva l-attitudni tal-Gvern bħala “ksuħat” u li l-pożizzjoni tal-Gvern qed tqis lit-tfal u lin-nisa daqslikieku kienu oġġetti.
Busuttil qal li jifhem it-tbatija li jgħaddu minnha l-koppji li ma jkunx jista’ jkollhom tfal. “Kien għalhekk”, qal Busuttil “li l-Gvern Nazzjonalista għamel il-liġi tal-IVF.” 
Żied jgħid li minflok l-iffriżar tal-embrijuni l-Gvern missu kompla jaħdem biex jiżdiedu r-riżultati pożittivi li qed iħalli l-iffriżar  tal-bajd tal-mara.
Newsbook.com.mt staqsa wkoll għaliex hu u membri parlamentari oħra tal-PN ivvotaw favur il-liġi dwar il-vjolenza domestika meta minnha tneħħiet ir-referenza u allura l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf.
Għal dan Busuttil wieġeb, “Min jafni jaf li jiena dejjem kont favur li tingħata l-akbar protezzjoni lit-tarbija mhux imwielda”.
“Il-Gvern tkessaħ meta neħħa mil-liġi id-definizzjoni li kienet tagħti l-protezzjoni lit-tarbija mhux imwielda. Jien naqbel mal-bqija tal-grupp illi mal-ewwel opportunità  din id-definizzjoni terġa’ titranġa.”
Huwa żied jgħid li minkejja li tneħħiet ir-referenza min din il-liġi, il-protezzjoni xorta qiegħda f’liġijiet oħra u allura f’dan il-każ jidhirlu li l-enfasi kellha tkun fuq il-vjolenza kontra n-nisa.
“F’ħajti ltqajt mawisq nisa vittmi ta’ vjolenza domestika. Din hija vjolenza kattiva wisq għax issir fil-moħbi u s-skiet tad-dar, wara erba’ ħitan. Naf nisa li ilhom għexieren ta’ snin abbużati, jaqilgħu u jissawtu min żwieġhom u l-istorja tagħhom hija tat-tkexkix. Il-vjolenza domestika tirrabjani għax ma nistax għaliha li xi ħadd b’saħħtu jabbuża mis-saħħa tiegħu u jweġġa lil min hu vulnerabbli. Kien għalhekk li vvutajt favur il-liġi, skont il-kuxjenza tiegħi. Dan għamiltu wkoll b’rispett lejn il-programm elettorali ta’ Ġunju li għadda li fih daħħalna sensiela ta’ wegħdiet elettorali dwar il-vjolenza domestika.”
Busuttil żied jgħid li huwa jirrispetta l-pożizzjoni ta’ dawk li ħassew fil-kuxjenza li jivvutaw mod ieħor. Huwa qal li l-Grupp Parlamentari huwa magħqud fl-istmerrija tiegħu għall-vjolenza kontra n-nisa u huwa magħqud ukoll fuq il-ħtieġa li tingħata protezzjoni lill-embrijuni.
“Id-differenza qiegħda biss dwar kif tivvota fuq liġi li sostanzjalment taqbel magħha iżda li jkun hemm fiha affarijiet li tixtieqhom jinbidlu. Hemm min ħass li f’każ bħal dan għandek tivvota kontra u hemm min bħali ħass fil-kuxjenza li għandek tivvota favur. Kien għalhekk li għal dan il-vot, bħala Oppożizzjoni Nazzjonalista, ingħatajna free vote, li jfisser li kulħadd jista’ jivvota skont il-kuxjenza tiegħu mingħajr pożizzjoni waħda komuni tal-partit u mingħajr ħadd ma jiġi kkundannat għax ivvota mod jew ieħor. Inkella ma jkunx free vote, imma free vote taparsi”, temm jgħid Busuttil.
"Il-firda fl-Oppożizzjinu qed ibatiha l-pajjiż kollu" – Dalli
L-Ewroparlamentari Laburista, Miriam Dalli qalet li l-firda fl-Oppożizzjoni mhux qed ibatiha biss il-Partit Nazzjonalista, iżda qed ikollha riperkussjonijiet fuq il-pajjiż kollu. Sostniet li l-pajjiż ma jistax iħares lura jew ireġġa' l-arloġġ, iżda jrid jibqa' jimxi 'l quddiem u jagħti l-protezzjoni lill-persuni l-iktar vulnerabbli.
F'kumment fuq Facebook live, Dalli qalet li l-vot ta’ din il-ġimgħa dwar il-liġi kontra l-vjolenza domestika kellha tkun okkażjoni fejn il-Parlament jkollu vuċi waħda favur il-vittmi.
Madanakollu saħqet li filwaqt li l-Partit Laburista kien maqgħud favur iktar protezzjoni, l-Oppożizzjoni spiċċat mifruda.
Irrimarkat li "kull politiku li xi darba ltaqa' ma’ vittma jaf il-weġgħa ta’ dawn il-persuni u għalhekk ħadd ma jista jifhem kif il-Partit Nazzjonalsita ma tax l-appoġġ sħiħ tiegħu, bl-agħar eżempju jtih il-Kap tal-Oppożizzjoni".