Aġġornata: Liġi ffriżar: Il-President tgħaddi l-proposti lil Fearne

Read in English.

Il-President ta’ Malta qalet li se tkun qed tgħaddi l-proposti ta’ tliet għaqdiet favur il-ħajja lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne wara laqgħa li kellhom illum.

L-għaqdiet Life Network Foundation, il-Gift of Life Foundation u l-Malta Unborn Child Movement insistew mal-President li l-emendi proposti mhumiex qegħdin jipproteġu lill-embrijuni, kif suppost li tagħmel il-liġi tal-protezzjoni tal-embrijuni.

Il-proposti li xtaqu li jiġu kkunsidrati qabel il-vot ta’ nhar it-Tlieta huma:

  1. Li ma jkunux iffriżati 5 embrijuni fl-ewwel ċiklu, għaliex dawn se jinħlew
  2. Li jinħelsu l-embrijuni li jkunu ilhom iffriżati żmien twil. Issuġġerew li tingħata multa lil min iħalli l-embrijuni ffriżati indefinittivament.
  3. Li jitwaqqaf moratorju sabiex ma jinġemgħux wisq embrijuni
  4. Li jintremew gameti ta’ nies li jkunu mietu
  5. Donazzjoni miftuħa bid-dritt li t-tfal ikunu jafu l-identità ta’ ommhom u missierhom mit-twelid.
  6. Donazzjoni miftuħa b’aċċess għar-rekords mit-twelid sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn it-tfal jiltaqgħu ma’ familjari tagħhom bla ma jkunu jafu min huma
  7. Peress li ċ-ċertifikati tat-twelid mhumiex se juru l-identità bijoloġika vera, dawn l-għaqdiet sejħulhom “ċertifikati qarrieqa.” Huma pproponew li ċ-ċertifikati juru l-identità propja tat-tarbija.

Nhar it-Tlieta 19 ta’ Ġunju l-Parlament se jkun qed jieħu vot finali dwar l-emendi għal-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni li se jżid l-ammont ta’ embrijuni ffriżati.

Apparti minn xi tibdil li jinkludi d-dritt ta’ tfal addottati li jkunu jafu min huma l-ġenituri bijoloġiċi tagħhom meta jagħlqu t-18-il sena, din il-liġi pposponiet l-introduzzjoni tal-kiri tal-ġuf.

Filwaqt li nżamm il-prinċipju tal-iffriżar tal-embrijuni minflok l-iffriżar tal-gameti li mhuwiex kontroversjali, fl-aħħar minuta l-Gvern żied in-numru ta’ embrijuni li jistgħu jiġu ffriżati minn tlieta għal ħamsa.

F’ittra li bagħtet lill-għaqdiet, il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li hi tiffirma l-liġijiet li jagħtiha l-Gvern wara li jkunu ġew approvati fil-Parlament.

Minkejja dan, il-President qalet li minħabba n-natura serja li qajmu l-għaqdiet, se tkun qed tirreferi l-proposti lil Fearne biex ikun jista’ jikkonsulta mal-Avukat Ġenerali.