Liġi Embrijuni: L-Azzjoni Kattolika tappella biex jonqos it-tgħajjir

L-Azzjoni Kattolika Maltija appellat biex jonqos it-tgħajjir fid-diskussjoni dwar l-emendi li qed jiġu proposti fil-Parlament dwar l-Att li jemenda l-liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Filwaqt li l-Azzjoni Kattolika tenniet il-pożizzjoni tagħha favur il-ħajja, huma ġibdu l-attenzjoni dwar it-ton li qed jiġi wżat, speċjalment fuq il-mezzi tal-media soċjali, kliem li jweġġa’ lil xulxin u lill-politiċi involuti fuq iż-żewġ naħat.
Saħqu li hija kontradizzjoni illi “nargumentaw favur il-ħajja u fl-istess ħin noqtlu lil xulxin bi kliem iebes u kultant ta’ disprezz lejn xulxin”.
Spjegaw li bħala Nsara m’għandniex argumenti x’nirbħu jew x’nitilfu filwaqt li qalu li “l-mandat li tana Ġesù Kristu hu li nkunu profeti fi żmienna li jwasslu l-verità tiegħu b’imħabba lejn kulħadd”.
Qalu li d-diskussjoni tagħna għandha ddur mal-fatti hekk kif twassalhomlna l-Knisja u mdawlin mit-tagħlim ta’ Ġesù u mit-tfittxija kontinwa għall-verità.
Fl-aħħarnett huma appella ukoll biex f’din id-diskussjoni ma npoġġux persuni li huma promoturi tat-tibdiliet fil-liġi bħala l-mira tagħna iżda nirrispettaw dejjem il-persuni.
L-MGRM itenni l-pożizzjoni tagħha favur l-emendi
Il-Malta Gay Rights Movement (MGRM) reġgħet uriet is-sapport tagħha għall-emendi kif proposti għal din il-liġi.
Huma wrew solidarjetà man-Netwerk Malti għall-Infertilità fosthom il-ġenituri kollha li ċ-ċansijiet li jkollhom it-tfal jitjiebu b’konsegwenza tal-approvazzjoni tal-emendi proposti.