​Liġi Embrijun: Abela jgħid le lill-President biex jittawwal iż-żmien

Id-Deputat Laburista Robert Abela qal li d-diskussjoni dwar l-emendi fl-Att għall-Protezzjoni tal-Embrijun m’għandhiex tibqa’ tiġi posposta, “għax hemm barra hemm min qed jistenna”.
Huwa qal dan waqt id-dibattitu dwar l-Att għall-Protezzjoni tal-Emrbijun li għaddej bħalissa fil-Parlament, ftit sigħat biss wara li l-President Marie-Louise Coleiro Preca talbet biex jittawwal iż-żmien ta' riflessjoni u d-diskussjoni dwar dawn l-emendi.
Dr Abela irrimarka li din hi kwistjoni jekk wieħed jemminx fl-ugwaljanza jew le.
Robert Abela qal ukoll li bl-emendi proposti mill-Gvern se jkun hemm min se jibqa’ jistenna xorta waħda. Stqarr li hu favur il-ħajja, missier tifla ta’ sitt snin li hi l-milja ta’ ħajtu.
Jistaqsi jekk mara li tadotta embrijun tissejjaħx familja. 
"Ma niflaħx nisma' iktar ipokrezija dwar is-suġġett", qal Dr Abela.  Spjega li mhux aċċettabbli għalih li jisma' lill-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li dawn l-emendi joqtlu t-trabi.
Robert Abela enfasizza dwar dak li sejjaħ il-kunċett ta' 'Live and let live', li kulħadd ikun liberu li jagħżel. 
"Kieku l-embrijun għandu vot tgħaddi din il-liġi?" – Maria Fatima Deguara
Id-Deputat tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista Maria Fatima Deguara saħqet li b'dawn l-emendi d-drittijiet tal-embrijun se jitnaqqsu b'mod drastiku. 
Dr Deguara kkwotat kostitwent li staqsiha jekk tgħaddix din il-liġi, kieku l-embrijun għandu vot. 
Staqsiet kemm se jibqgħu jinżammu ffriżati l-embrijuni, u li eventwalment jispiċċaw oġġetti.
Enfasizzat li għandu jkun hemm Tim Dixxipplinarju li jiggwida lill-koppji. 
"Ġarrabt, kelli korrimenti" – Justyne Caruana
Tkellmet ukoll il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana li qalet li bħala mara li ġarrbet problemi biex ikollha t-tfal fost l-oħrajn b'korrimenti. Għaldaqstant qalet li tħoss li ma fiha xejn ħażin li wieħed jirrikorri għal soluzzjonijiet mediċi jekk irid isir ġenitur u jrid jagħti l-ħajja.
Dr Caruana qalet li ħadd ma jaf kemm barra minn Malta hemm embrijuni ffriżati ta’ Maltin. Fi kliemha, jekk dan mhux illegali, ikun aħjar li dan ikun permessibbli għax saħqet li l-embrijuni jkunu taħt għajnejna.
"It-tarbija fil-ġuf kienet embrijun… hija umana" – Claudio Grech
Id-Deputat Nazzjonalist Claudio Grech saħaq li t-tarbija fil-ġuf, li l-bidu tagħha huwa l-embrijun, hija umana.
Dr Grech stqarr li r-riżultat tal-inkjesta dwar li embrijuni ntilfu wara li l-inkubatur li kienu fih fl-Isptar Mater Dei spiċċa fuq standby mode għal 24 siegħa, jikkonferma li l-embrijun huwa uman.
Qal li llum il-President esprimiet kuraġġ meta tkellmet dwar din il-liġi. Appella biex kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni tagħmel żewġ passi lura, ipoġġu madwar il-mejda biex jiddiskutu leġiżlazzjoni li l-bażi tagħha tkun li l-koppji jingħataw verament dak li għandhom bżonn.  Qal li l-koppji bla tfal m’għandhomx jintużaw biex jiddaħħlu dawn l-emendi.
"L-emendi huma biss estensjoni tal-liġi li ddaħħlet fl-2012" – Stefan Zrinzo Azzopardi
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi kkwota diskorsi u stqarrijiet li saru fl-2012, fost l-oħrajn ittra pastorali tal-Isqfijiet, meta ġiet introdotta l-liġi dwar l-IVF. Insista li l-emendi ta’ issa huma biss estensjoni ta’ din il-liġi.
Fil-jiem li għaddew l-eks Ministru għall-Affarijiet Barranin u speċjalista rtirat fill-mediċina tal-familja, Dr George Vella kien stqarr li jemmen bis-sħiħ li l-ebda leġiżlatur b’kuxjenza tajba ma jista’ qatt japprova ċerti prattiċi fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.