Liġi dwar Organiżazzjonijiet Mhux Governattivi se tintuża’ favur l-Islam

Fin-Niġerja qed tkun proposta liġi ġdida li tagħti l-poter lill-Gvern li jikkontrolla proġetti li jimplimentaw Organiżazzjonijiet Mhux Governattivi. Il-Kap tal-Caritas fin-Niġerja wissa’ biex wieħed joqgħod attent billi l-Gruppi Reliġjużi fin-Niġerja huma kunsidrati bħala NGOs.
Umar Jibrin, id-Deputat Parlamentari li ppropona l-liġi qal li l-ħsieb hu li jiddaħħal il-buon sens f’settur mifni bil-korruzzjoni u li jista’ jpoġġi fil-periklu s-sigurta’ tal-pajjiż. Għalhekk irid ikun hemm kontabilita’ kif l-NGOs jiġbru l-flus u jużawhom.
Dan qajjem tħassib fost organiżazzjonijiet insara billi taħt il-liġi Niġerjana il-gruppi reliġjużi huma meqjusa bħala NGOs.
Caritas Nigeria osservat li jekk ma jkunx hemm kategorija differenti għall-organiżazzjonijet reliġjużi, dawn se jintlaqtu minn din il-liġi u ma jkunux liberi iwettqu l-ħidma tagħhom. Fr Evaristus Bassey, Direttur Eżekuttiv tal-Caritas Nigeria hu mħasseb li l-liġi tista’ tintuża biex tippromwovi l-Islam fuq il-Kristjaneżmu. Kemm il-President tal-pajjiż kif ukoll id-deputat li ppropona l-liġi huma Musulmani.
Din il-liġi tressqet fi żmien meta fil-pajjiż hemm tensjoni reliġjuża kbira li huma maqsum kważi min-nifs bejn Musulmani u Nsara. L-insara li hemm jgħixu fit-Tramuntana tal-pajjiż sofrew minn attakki terroristi minn gruppi fosthom il-Boko Haram u l-Liġi tax-Sharia.
L-Isqfijiet Kattoliċi dan l-aħħar ilmentaw li l-Gvern Ċentrali ittimbra  l-poplu indiġenu tal-Biafra bħala orġanżazzjoni terroristika għax talbu li jkun hemm referendum dwar l-indipendenza tar-reġjun.
Il-Kardinal John Onaiyekan qal li filwaqt li ma jqabilx mal-pożizzjoni li ħadu n-nies tal-Biafra, dawn ma jistgħux ikunu kunsidrati bħala terroristi. “Terrorist hu attivist armat biex joqtol. Ma naħsibx li xi ħadd li jitlob l-indipendenza hu terrorist”. Min-naħa l-oħra il-Gvern naqas li jqis bħala terroristi lill-Fulani li qed jattakkaw lir-raħħala nsara.
Il-mod differenti kif il-Gvern jittratta lill-insara u lill-Musulmani hi l-bażi tal-kontroversja fuq il-liġi proposta.