Liġi dwar l-abort toffendi l-kuxjenza u l-ġid komuni

L-isqfijiet Kattoliċi fiċ-Ċili ddeskrivew id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li tapprova liġi li tippermetti abort f’ċerti ċirkostanzi bħala waħda li toffendi l-kuxjenza u l-ġid komuni taċ-ċittadini.
Il-liġi, li għandha l-appoġġ sħiħ tal-partit ċentru xellugi tal-President Michelle Bachelet, se tippermetti li jsir abort meta l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu, f’każ li l-mara tkun stuprata u meta l-fetu ma jkunx mistenni li jgħix it-tqala kollha.
Fi stqarrija li ħarġu fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, wara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, l-Isqfijiet qalu li s-soċjetà tpoġġi d-dritt għall-ħajja fiċ-ċentru tal-koeżistenza soċjali u allura wieħed ma jifhimx ir-raġuni għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni. “Ninsabu konfrontati b’sitwazzjoni ġdida fejn ħajjiet umani mhux mitwielda mhux qed ikunu protetti mill-Istat f’dan id-dritt fundamentali tagħhom għall-ħajja”, qalu l-Isqfijiet.
Huma wiegħdu li se jżidu l-isforzi tagħhom biex jgħinu lin-nisa jwasslu sat-tmiem it-tqala tagħhom minkejja li jkunu f’sitwazzjonijiet diffiċli. “Minn issa 'l quddiem l-għażla tagħna favur il-ħajja se tittraduċi ruħha filli nirduppjaw l-isforzi tagħna biex inkomplu nakkumpanjaw lil dawk in-nies li jgħixu t-tqala tagħhom f’sitwazzjonijiet estremi u jridu jwassluha sal-aħħar, u ngħinu wkoll lil dawk li jaħsbu li l-abort hu xi soluzzjoni”.
“Il-Knisja li hi l-poplu t’Alla għas-servizz ta’ kulħadd, partikolarment dawk l-aktar vulnerabbli, dejjem toħroġ idejha u tgħannaq lil dawk li jinħtieġu l-paċi, il-kenn u l-appoġġ”, kompliet l-istqarrija.
Membri Parlamentari tal-lemin għamlu żewġ kawżi quddiem il-Qorti Kostituzzjonali kontra din il-liġi li sostnew li tikser il-garanziji kostituzzjonali ta’ protezzjoni lil ħlejjaq mhux imwielda, iżda l-Qorti Kostituzzjonali ċaħdithom it-tnejn b’sitt voti kontra erbgħa.