Liġi dwar disinn tal-bini li jagħti aċċessibilità aħjar lill-persuni b’diżabbiltà

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità Anthony Agius Decelis, ħabbar flimkien mal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna, l-Istandards għad-diżinn fl-Built-In Environment li issa ġew mogħtija s-saħħa ta’ liġi permezz tal-Avviż Legali 98 tal-2019.

Agius Decelis stqarr li dan il-pass kien ilu mistenni kemm mill-persuni b’diżabilità kif ukoll mill-qraba tagħhom, wara li aktar minn 15-il sena ilu nħarġu l-ewwel sett ta’ linji gwida fil-qasam.

Dawn il-linji gwida ġew stabbiliti bħala standards nazzjonali fl-2015, u issa saru regolamenti bħala parti mil-Liġijiet ta’ Malta.

Oliver Scicluna sostna li dan l-avvanz fil-liġi, “ħa jsaħħaħ idejn il-Kummissjoni biex tassigura li persuni b’diżabilità jgawdu d-dritt tal-aċċess fl-ambjent mibni”. Huwa spjega li l-Kummissjoni qed tħares ‘il quddiem sabiex ikollha wkoll taqsima tal-infurzar.

Scicluna temm jappella sabiex jitwettqu proġetti bi ħsieb biex persuni b’diżabilità, li huma ċittadini daqs kull ċittadin ieħor, ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà.