Liġi AĠ: Il-Gvern jilqa’ l-kritika ta’ Omtzigt; din mhix serjetà – l-Oppożizzjoni

L-Abbozz ta’ liġi dwar l-Avukat tal-Istat għaddiet mill-aħħar stadju tal-Parlament u saret liġi. L-approvazzjoni tal-abbozz ta’ liġi fit-tielet qari seħħet wara votazzjoni, hekk kif l-Oppożizzjoni talbet division u l-abbozz għadda b’34 favur u 28 kontra.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi qal li wara li r-rapporteur Pieter Omtzigt osserva li f’din il-liġi l-Gvern ħalla barra osservazzjoni tal-Kummissjoni Venezja li mhux se jkun hemm judiciary review tal-prosekuzzjoni tal-Avukat Ġenerali, fil-ġranet li ġejjin, il-Gvern se javviċina lill-Oppożizzjoni biex jindirizza dan il-punt f’abbozz ta’ liġi ġdida.

Hu ħabbar li l-Avukat Ġenerali Peter Grech mhux se jibqa’ chairman tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) wara li jintemm il-mandat tiegħu. Hu stqarr li l-proposta l-oħra li tħalliet barra li kienet li l-inkjesti maġisterjali jibdew jaqgħu taħt l-avukat ġenerali trid aktar studju.

Aqra: Il-kritika ta’ Omtzigt mhix fl-interess nazzjonali – Bonnici

“Is-serjetà titlob mod ieħor” – Delia

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li s-serjetà kienet titlob li l-ewwel jikkonsulta mal-Oppożizzjoni, imbagħad jgħaddi l-liġi fil-Parlament.

Dr Adrian Delia qal li wara li d-deputat Prim Ministru Chris Fearne kien ta l-impressjoni li l-Gvern kien miftuħ biex idaħħal fil-liġi l-proposti tal-Oppożizzjoni dan ma seħħx.