Lift f’dar tal-anzjani jibda jaħdem wara xahrejn

Il-lift ewlieni fid-Dar tal-Anzjani fil-Furjana ssewwa fil-ġimgħat li għaddew, wara xahrejn ma jaħdimx. Dan kien wassal biex l-anzjani kien qed ikollhom jibqgħu fl-istess sular mingħajr ma jinżlu isfel jew joħorġu.
Kelliem għas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, qal ma’ Newsbook.com.mt li l-lift tar-residenza ssewwa fis-26 ta’ Awwissu u qed jiffunzjona b’mod normali.
F’Lulju li għadda, l-istess kelliem qal li wara li żviluppat ħsara fil-lift, il-kumpanija tal-manutenzjoni għamlet kull mezz tpossibbli biex tissewwa l-motherboard tal-lift u tiġi ttestjata fuq il-post.
Persuna li ta’ spiss tiffrekwenta din id-dar tal-anzjani kienet qalet ma’ Newsbook.com.mt li dan kien l-uniku lift fid-dar li jesa’ ħafna persuni u li jgħaddi mis-sulari kollha.  Żiedet tgħid li t-taraġ huwa wieqaf u xi anzjani qed jirriskjaw li jweġġgħu meta jippruvaw jinżluh. Saħqet li jekk xi ħadd ikollu bżonn jittieħed l-isptar b’ambulanza, kien ikollu jitniżżel bi krejn.
Jidher li din ma kinitx l-ewwel darba li l-lift għamel il-ħsara. L-istess persuna qalet li “ma tgħaddix sena, li l-lift ma jagħmilx xahar jew xahrejn bil-ħsara.