Lifeline: L-immigranti ekonomiċi se jintbagħtu lura pajjiżhom

Ian Noel Pace

Read in English.

L-immigranti li waslu Malta abbord il-bastiment Lifeline nhar l-Erbgħa u li jinsab li huma immigranti ekonomiċi se jintbagħtu lura pajjiżhom, skont kelliema għall-Gvern.

Ma’ Newsbook.com.mt il-kelliema għall-Gvern żiedet tgħid li bħalissa għaddej il-proċess sabiex jinstab min mill-234 immigrant salvat huwa intitolat għall-ażil u min minnhom le.

Immigranti ekonomiċi huma persuni li jaħarbu mill-pajjiż sabiex isibu standard ta’ ħajja aħjar ekonomikament u mhux għax verament ikollhom ħajjithom fil-periklu.

Meta mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar jekk hemmx ħjiel dwar meta se jibdew jitqassmu l-immigranti fid-9 pajjiżi Ewropej, il-kelliema spjegat li għad m’hemmx ħjiel ta’ dan hekk kif bħalissa qed jiffukaw b’mod sħiħ fuq il-assessjar preliminarju.

Spjegat li huma biss dawk li qed ifittxu l-ażil se jitqassmu fost il-pajjiżi. Il-pajjiżi jinkludu l-Belġju, Franza, l-Irlanda, l-Itlaja, il-Lussemburgu, Malta, in-Neterlands, il-Portugall u n-Norveġja.

Il-kelliema ma kkonfermatx ukoll kemm minn dawn l-immigranti se jibqgħu Malta, minkejja li l-Partit Demokratiku kien qal li Malta kienet se żżomm tnejn minnhom.