Lifeline: Il-kaptan se jkun jista’ jmur jara lil ommu

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Il-Maġistrat Joseph Misfud qal lil dawk preżenti f’Awla 14 li  l-avukat ġenerali qed jopponi b’saħħa t-talba tal-Kaptan Claus-Peter Reisch, iżda l-Qorti ddeċidiet li tħallih jmur iżur lill-ommu b’numru ta’ obbligazzjonijiet, fosthom li jikkonferma b’ġurnament ir-rikors li ġie preżentat u dan kien ikkonfermat ilbieraħ waqt li saret is-seduta fuq il-vapur. Huwa mitlub ukoll jippreżenta biljett tal-ajru minn u lura lejn Malta, u malli jasal Malta jirrittorna lura l-passaport lill-Qorti. Huwa se jitħalla jmur ukoll wara li jiddepożita €5000.

F’każ li huwa jikser waħda minn dawn l-obbligazzjonijiet imsemmiha d-depożitu jmur favur il-Gvern.

Huwa mistenni jmur jara lill-ommu bejn 16 – 29 ta’ Lulju u hi se tkun qed tgħalaq 93 sena.

Is-seduta li jmiss beħsiebha ssir fit-30 ta’ Lulju fl-10am u seduta skedata għat-23 ta’ Awwissu fil-11.30am.

Fir-risposta tiegħu, l-Avukat Ġenerali Peter Grech qal fost affarijiet oħra li r-reati li bihom akkużat Reisch huma serji b’riperkussjonijiet gravi. Huwa sostna li t-talba ta’ Reisch hi “waħda frivola u suspettuża”. Grech sostna ukoll li Reisch ma għandux inċentiv reali biex jiġi lura Malta filwaqt li baqa’ numru ta’ xhieda biex jidhru quddiem il-Qorti.

Digriet fuq l-Istampa

Il-Maġistrat ħareġ ukoll digriet fuq l-istampa dwar xi rapporti li dehru. Huwa saħaq li l-artiklu li deher ilbieraħ fuq The Shift News urtah għall-aħħar.

Fost affarijiet oħra d-digriet jgħid li mhux minnu lid-difiża talbet li l-proċeduri jsiru bl-Ingliż u l-Qorti ċaħdet iżda kien persuna li kien iddentifika ruħu bħala avukat Taljan li kien qam minn postu u talab biex issir traduzzjoni. Il-Qorti qed tipprovdi lil Reisch interpretur mil-lingwa Maltija għal dik Ġermaniża.