LifeCycle tappoġġja pazjenti tal-kliewi għall-Pellegrinaġġ ta’ Lourdes

Read in English.

Għal dawn l-aħħar disa’ snin, il-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) appoġġjat ta’ kull sena lill-pazjenti tal-kliewi biex jingħaqdu mal-pellegrinaġġ ta’ Lourdes.

Din is-sena, tlettax-il pazjent kienu assistiti minn żewġ tobba, erba’ renal nurses u żewġ saċerdoti li flimkien ma’ pellegrini oħra ngħaqdu fuq vjaġġ lejn Lourdes. Dan il-pellegrinaġġ minn Malta jkun organizzat kull sena mill-Assoċjazzjoni Volontarji Lourdes.

Waqt li kien f’Lourdes, il-grupp ħa sehem f’ċerimonji reliġjużi, inkluż il-quddiesa internazzjonali, l-adorazzjoni tal-Ewkaristija Mqaddsa u kellhom opportunitajiet li jirċievu s-Sagramenti fosthom il-Griżma tal-Morda, iżuru l-Piscines (Banjijiet) kif ukoll żjarat fil-Grotta magħrufa internazzjonalment.

“Madwar erba’ xhur qabel it-tluq, nibdew nippjanaw għall-bżonnijiet tal-pazjenti. Din hi ħidma li tinvolvu ħafna organizzazzjoni. F’Lourdes, il-pazjenti xorta jkollhom bżonn jibqgħu għaddejjin bil-kura tal-haemodialysis, u għalhekk ikollna bżonn niżguraw li kull kura personali u prattika tkun disponibbli,” qalet Josette Parnis, Renal Unit Head Nurse fl-Isptar Mater Dei.

“Minbarra li nipprovdulhom appoġġ terapewtiku kif ukoll spiritwali, grazzi għall-Fondazzjoni LifeCycle u l-isponsors tagħha, dan il-pellegrinaġġ joffri l-opportunità li jivvjaġġaw u jkollhom ħin ta’ kwalità aħjar,” żiedet is-Sinjura Parnis.

Il-Fundatur tal-LifeCycle Alan Curry qal: “Hu diffiċli għal persuni li jbatu bil-kliewi li jivvjaġġaw weħidhom. Bis-saħħa tal-persunal mediku li jakkumpanjahom, il-pazjenti tal-kliewi għandhom is-serħan tal-moħħ li xorta jistgħu jirċievu l-kura meħtieġa meta jkunu f’Lourdes, waqt li jibbenefikaw minn din l-esperjenza. Ninsabu fiduċjużi li l-appoġġ annwali tagħna hu ta’ benefiċċju kbir għalihom.”

Il-Fondazzjoni LifeCycle ilha għal dawn l-aħħar 21 sena tagħmel din il-ħidma tant bżonnjuża għall-pazjenti tal-kliewi kif ukoll għall-familji tagħhom.

Nescafé 3in1 huwa l-isponsor tat-titlu ta’ LifeCycle Challenge 2019. Il-Marketing and Corporate Communications Manager ta’ Nestlé Alfred J Borg qal: “Hu tassew inkoraġġanti li wieħed jinnota kif l-isponsorship tagħna ta’ LifeCycle Challenge qed ikun daqstant ta’ benefiċċju għall-pazjenti tal-kliewi, u fl-istess waqt jispira lil LifeCyclists, lill-istaff mediku, lill-infermiera, lil donaturi oħra, kif ukoll lill-familji tal-pazjenti.”

Donazzjonijiet jistgħu jsiru permezz ta’ Revolut fuq 99329101 via sms: 5061 7370 = €2.33; 5061 8920 = €6.99; 5061 9229 = €11.65; or via a call to 5160 2020 = €10, 5170 2005 = €15; and 5180 2006 = €25. Bank details are Swift code VALLMTMT, Numru tal-IBAN: MT 18 VALL 22013000000014814521017, Bank name Bank of Valletta, Numru tal-Kont: 14814521017.

Għal iktar tagħrif, żur is-sit jew il-paġna ta’ Facebook ta’ LifeCycle Malta.

Dan il-kontenut huwa mwassal mill-Lifecycle Foundation / BPC