Lifecycle: Iċedi t-tieni ċiklista minħabba uġiegħ fl-irkoppa

Daħlet fis-sitt jum tagħha l-isfida ta’ din is-sena tal-maratona tal-Lifecycle fejn matulha, kellu jċedi t-tieni ċiklista minħabba uġiegħ fl-irkoppa. Ir-rotta tal-Ġimgħa ħadet liċ-ċiklisti mal-kosta Baltika bejn il-Litwanja u l-Latvja fejn għaddew minn diversi foresti u villaġġi pittoreski.

Madankollu kien hemm riħ qawwi li naqqas sew il-veloċità taċ-ċiklisti f’dik li hija waħda mill-itwal ġranet tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Lifecycle.

Huma saqu 220 kilometru fi tnax –il siegħa. Fl-aħħar tal-ġurnata huma waslu fil-belt kapitali tal-Latvja Riga, belt li hija wkoll meqjusa bħala Sit ta’ Wirt Kulturali Dinji.