Lifecycle 2014: Minn Malta għall-Ġappun

Wara r-Russja u l-pajjiżi tal-madwar, f’Settembru li ġej, l-isfida li jmiss tal-Lifecycle se tieħu liċ-ċiklisti fil-Ġappun, preċiżament minn Fukouka sa Tokjo.
L-Actavis Lifecycle Challenge ta’ din is-sena se tkun iffurmata minn kważi 30 ċiklist.  Dan apparti l-grupp ieħor ta’ nies li jkun qed jgħin liċ-ċiklisti fosthom bħal tobba, fiżjoterapisti, kokijiet u sewwieqa.
Vanessa Macdonald, kelliema għal-Lifecycle qalet li bħall-15-il drabi l-oħra, anke din is-sena l-Lifecycle Challenge se tagħmel ħilitha biex tiġbor fondi għall-pazjenti morda bil-kliewi. 
L-għan hu li jinġabru biżżejjed flus għal servizz ta’ dialysis li jingħata 24 siegħa kuljum u li tiġi impjegata persuna li tgħin lill-pazjenti fid-dieta tagħhom.
Biex żgur il-flus miġbura mill-ġenerożità tal-poplu Malti jmorru kollha għal kawża ġusta, kull ċiklist li jagħmel din l-isfida jrid iħallas €1,500 biex ikopri l-ispejjeż kollha tal-vjaġġ u jiġbor ukoll €2,500 fi sponsor.
Fi kliem Vanessa, kull sfida tal-Lifecycle qatt ma tkun btala.  Apparti d-diffikultà tal-qdif, iċ-ċiklisti jridu jidraw ukoll iqattgħu ġimgħtejn jorqdu mal-art f’postijiet skomdi bħal skejjel u gyms biex kull ewro li jinġabar imur għall-pazjenti.
Minbarra 8 sigħat ta’ qdif kuljum bi preparazzjoni għall-isfida propja, iċ-ċiklisti jmorru wkoll fir-Renal Unit f’Mater Dei biex jisimgħu taħdidiet minn persuni li għamlu trapjat, donaturi u persuni oħra speċjalizzati fil-qasam.
Din is-sena wkoll l-organizzaturi tal-Lifecycle ppreżentaw  is-somma ta’ €70,000 lill-Università ta’ Malta biex tkun tista’ tagħmel riċerka dwar il-mard tal-kliewi fit-tfal iż-żgħar.