Life Network bi kwestjonarju għall-kandidati għal MEPs dwar l-abort

Il-Fondazzjoni Life Network ħarġet kwestjonarju mmirat għall-kandidati tal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, sabiex tkun iċċarata l-pożizzjoni ta’ kull kandidat dwar il-ħarsien tal-ħajja mill-konċepiment sal-mewt naturali.

Il-Fondazzjoni qalet li l-għan wara dan il-kwestjonarju hu għax il-votanti għandhom dritt li jkunu jafu l-fehma tal-kandidati li għalihom ikunu se jivvutaw.

Id-domandi fil-kwestjonarju huma dawn:

  1. Il-liġijiet ta’ Malta jippermettu trattament li jsalva l-ħajjiet għal nisa tqal anki jekk dan jista’ jirriżulta fil-mewt tat-tarbija. Ladarba huwa stabbilit li l-ħajja tal-omm hija dejjem protetta, inti tivvota favur leġiżlazzjoni, reżoluzzjonijiet u/jew miżuri oħrajn li jippromwovu l-abort?
  2. Inti favur is-surrogacy, li huwa wkoll magħruf bħala l-kiri ta’ ġuf?
  3. Inti tikkommetti ruħek li tiddefendi l-libertà tal-kuxjenza ta’ kull persuna kif garantit mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali?
  4. Inti tivvota favur kwalunkwe miżuri li jippromwovu, jabbraċċjaw jew jinkoraġġixxu l-ewtanasja u/jew is-suwiċidju assistit?

Il-Fondazzjoni ħeġġet lill-kandidati kollha jirrispondu l-kwestjonarju biex jagħtu l-pożizzjoni tagħhom. Ir-riżultati għandhom jiġu ppubblikati qabel l-elezzjoni.