Jekk sejjer xi purċissjoni llejla…

Fl-aħħar jiem it-temp xejn ma kien pjaċevoli u għaldaqstant bosta għaqdiet u paroċċi kienu għadhom mhux ċerti jekk l-avvenimenti tagħhom ta’ Ħadd il-Palm hux se jsiru xort waħda jew le.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-purċissjoni fil-Għargħur se ssir xorta waħda, hekk kif fl-4:30pm jitnieda l-ewwel att tad-dramm Poeżija Siekta fil-pjazza tal-Għargħur. Fis-6pm tibda ħierġa l-purċissjoni tradizzjonali tal-Ġimgħa l-Kbira u fit-8pm jkompli dramm bil-parteċipazzjoni ta’ madwar 70 attur.
F’Ħal Għaxaq, il-purċissjoni se ssir xorta hekk kif fil-5pm tibda l-parata u fil-5:30pm tibda ħierġa l-purċissjoni fejn, skont l-organizzaturi, mistennija jattendu madwar 640 persuna.
Fil-Belt illum se ssir il-purċissjoni Nazzjonali tad-Duluri li tħassret milli ssir nhar il-Ġimgħa minħabba l-maltemp. Il-purċissjoni se tibda' fis-6pm.
Min-naħa l-oħra, il-purċissjoni li toħroġ mill-Katidral fir-Rabat Għawdex ġiet ikkanċellata hekk kif kien imħabbar aktar kmieni llum fuq il-paġna ta' Facebook.