Liema kienet il-kanzunetta tas-sajf għall-Inglizi?

Għalkemm is-sajf baqagħlu ftit tal-ġimgħat oħra biex jispiċċa issa tqum il-mistoqsija liema kienet l-aktar kanzunetta favorita mal-Ingliżi fix-xhur sħan tal-istaġun. Skont lil min taqbad temmen, tlieta jistgħu jirbħu dan l-unur.

Spotify tgħid li l-aktar diska li ndaqqet kienet I Don’t Care minn Ed Sheeran u Justin Bieber.

Imma fuq YouTube issib li dan il-duo kien megħlub minn Old Town Road ta’ Lil Nas X waqt li c-chart ta’ Shazam kienet mirbuħa minn Shawn Mendes u Camila Cabello b’Senorita.

Iżda skont il-kumpanija Official Charts, li tgħaqqad flimkien il-bejgħ tad-diski ma’ kemm kienu streamed, fl-ewwel post għandha tkun dik ta’ I Don’t Care minn Ed Sheeran u Justin Bieber. Din irrappreżentat bejgħ ekwivalenti għal 755,000 diska magħmula minn 90 miljun stream u 115,000 download.

Is-suġġett tad-diska jurik li m’għandekx tieħu l-ħajja b’tant serjetà żżejjed u fil-vidjo jidhru jkantaw dwar kif skappaw minn parti kollu dwejjaq flimkien mal-għarusa tagħhom, xi drabi libsin ta’ banana u panda bear.