Id-demm huwa rigal li jiżboq kull rigal ieħor, dan huwa l-messaġġ mis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm hekk kif beda bil-kampanja tal-Milied għall-għoti tad-demm.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm fi stqarrija qal li r-riserva mhix biżżejjed minkejja li ħafna qed ikunu dawk li jagħtu d-demm. Spjega kif il-konsum tad-demm huwa wieħed pjuttost għoli. Fl-istqarrija kompla jispjega kif id-demm qed jiġi kkonsumat kawża ta’ għadd ta’ inċidenti ta’ kull xorta u minħabba l-konsum minn għadd kbir ta’ pazjenti b’mard kroniku.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm appella biex in-nies jersqu jagħtu d-demm tagħhom mhux biss bħala individwi iżda wkoll fi gruppi b’turija ta’ solidarjetà ma’ dawk li mhux se jkollhom Milied mill-aqwa.
Meta u fejn jista’ wieħed jagħti d-demm?
Għal dawk kollha interessati:
Fiċ-Ċentri tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum bejn it-8.00am sas-6.00pm.
Fil-binja annessa mal-Knisja tal-Ħniena Divina fin-Naxxar li nhar il-Ħamis 13 ta’ Diċembru ser tkun miftuħa għall-għoti tad-demm mit-8.30am sas-1.00pm.
Fil-Bini Amministrattiv tal-Kunsill Lokali tal-Imġarr li nhar il-Ħadd ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8.30am sas-1.00pm.
Fil-Berġa l-ġdida tax-Xewkija f’Għawdex li nhar it-Tlieta ser tkun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1.00pm sal-5.00pm.
Wieħed għandu jieħu l-karta tal-identità miegħu.