Liema huma r-restrizzjonijiet li se jitneħħew minn għada?

Miguela Xuereb

F’Avviż Legali 232, is-Superintendenza għas-Saħħa Pubblika kkonfermat eżatt is-seba’ miżuri li se jkunu qed jitneħħew minn għada. Dawn il-miżuri kienu ddaħħlu fis-seħħ perjodikament sakemm il-pajjiż kompla bil-ġlieda kontra l-coronavirus. Bħalissa f’Malta hawn total ta’ 37 każ attiv tal-virus.

Liema huma dawn il-miżuri?

  1. S.L. 465.21: L-għeluq ta’ postijiet miftuħin għall-pubbliku – Din il-liġi sussidjarja kienet daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Mejju. Is-superintendent kienet ordnat l-għeluq tal-bars, cinemas, gyms, mużewijiet, eżebizzjonijiet, diskoteki, night clubs, pixxini fuq ġewwa, massage parlours, postijiet tal-gaming, swali tat-tombla, casinos and ħwienet tal-betting.
  2. S.L. 465.24: Il-multa ta’ €3,000 għal negozji li jinqabdu jiksru l-liġi dwar l-għeluq ta’ postijiet miftuħin għall-pubbliku.
  3. S.L. 465.27: L-għeluq ta’ negozji mlaqqma mhux neċessarji – din daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu u ordnat l-għeluq ta’ spas u tattoo parlours. Ħwienet tal-vaping setgħu jiftħu biex ibigħu tabakk biss.
  4. S.L. 465.28: Il-multa ta’ €3,000 għal negozji li jinqabdu jiksru l-liġi dwar l-għeluq ta’ ħwienet mhux neċessarju.
  5. S.L. 465.33: L-ordni li persuni vulnerabbli u anzjani ta’ 65 sena ‘l fuq jibqgħu ġewwa – il-miżura daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Marzu. Din ordnat sabiex anzjani ta’ 65 sena ‘l fuq, nisa tqal u persuni li jsofru minn mard kroniku jibqgħu ġewwa.
  6. S.L. 465.41:  Il-miżura dwar tal-għadd ta’ persuni permissibbli fi gruppi u l-emenda tagħha – fl-4 ta’ Mejju, il-pubbliku seta’ jibda jiltaqa’ fi gruppi ta’ 6 persuni. Il-miżura preċedenti kienet tippermetti gruppi ta’ 3 gruppi. Issa, il-pubbliku se jkun jista’ jiltaqa’ fi gruppi sa massimu ta’ 75 persuna.
  7. S.L. 465.38: Li kienet tikkonċerna l-għeluq tal-Qrati.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn