Liema hi l-aktar triq f’Ħal Qormi miżgħuda bl-illegalitajiet?

L-aktar triq li fiha jsiru illegalitajiet f’Ħal Qormi hija Triq Pawlu Farrugia. Dan ħareġ minn statistika tavolata fil-Parlament mill-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonnici wara mistoqsija mill-Membru Parlamentari Rosianne Cutajar.

Fost dettalji li ħarġu mill-istatistika, l-illegalitajiet irrappurtati lill-Kunsill Lokali mill-2015 sal-2018, permezz ta’ filmati, kienu jammontaw għal 24. Il-maġġoranza tagħhom, jiġifieri total ta’ 21 każ, jinvolvu ħruġ ta’ boroż f’ħinijiet mhux permissibbli jew matul il-lejl, jew inkella rimi ta’ skart goff ħdejn Bring-in-Sites u fit-triq. Min-naħa l-oħra, żewġ każijiet kienu jinvolvu ħsara ta’ propjetà pubblika u tkissir, filwaqt li kien hemm każ wieħed ta’ abbuż ta’ sewqan perikoluż.

Fejn saru l-illegalitajiet?

Jidher li hemm toroq famużi għall-illegalitajiet, aktar minn oħrajn. Dan hekk kif 17-il każ minn dawk imsemmija seħħew fi Triq Pawlu Farrugia. Din it-triq hija segwita minn Triq Correa li fiha seħħew tliet illegalitajiet, Triq San Ġużepp bi tnejn u Vjal De La Cruz u Triq Santa Katerina b’wieħed kull wieħed.

L-aktar sena li fiha ġew irrappurtati każijiet kienet propju l-2018.

Jittieħdu passi?

F’mistoqsija separata, il-Membru Parlamentari Laburista Cutajar, staqsiet kemm mill-ilmenti ta’ illegalitajiet imressqa mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ttieħdu passi dwarhom u jekk saħansitra tressqux persuni l-Qorti.

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia wieġeb jgħid li kull ilment ta’ illegalitajiet imressqa mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi jew individwi oħra, jiġu investigati mill-Pulizija tad-Distrett meta dan jaqa’ fil-kompetenza tagħhom. Spjega li wara li mill-investigazzjonijiet tinġabar evidenza u provi biżżejjed inkluż evidenza permezz ta’ filmati, kull persuna responsabbli titressaq quddiem il-Qorti Ġudizzjarja. Intant, il-Kunsill dejjem jiġi infurmat bil-passi li jittieħdu.