“B’ordni tal-Ministeru” – Il-Kunsill; “Bla permess” – Ministeru

Daniel Cordina

Qed isir xogħol mingħajr l-approvazzjoni tal-awtoritajiet ħdejn il-baħar f’Marsalforn skont kelliem għall-Ministeru għal Għawdex, liema xogħol ġie mqabbad biex isir mill-Ministeru stess skont Viċi-Sindku.

Wara li l-Viċi-Sindku taż-Żebbuġ Daniel Cordina lmenta dwar xogħol ta’ kostruzzjoni li kien qed isir Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-Ministeru għal Għawdex.

“Aħna ġejna infurmati li x-xogħlijiet qed isiru mingħajr l-approvazjoni tal-awtoritajiet konċernati. Għaldaqstant, il-Ministeru talab biex isir rapport mal-awtoritajiet kompetenti.”

Il-kelliem fakkar kif il-Partit Laburista kien wiegħed li se jsir breakwater f’Marsalforn. Spjega li “l-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem fuq dan il-proġett biex finalment iseħħ.” Qal li kwalunkwe intervent li jista’ jfixkel dan il-proġett mhux se jkun ittollerat.

Aktar kmieni, fuq Facebook Daniel Cordina qal li x-xogħol kien qed isir illum “fl-aqwa ħin tat-turiżmu”. Qal li kien hemm nies fil-baħar u fuq ix-xtajta. Skont Cordina, dan ix-xogħol kien qed isir fuq ordni tal-Ministeru għal Għawdex.

“Kummiedja oħra fl-aqwa tas-Sajf. Nixtieq inkun naf liema bravu qed jieħu dawn id-deċiżjonijiet biex isir xogħol ta’ kostruzzjoni f’post turistiku u qrib il-bajjiet” kiteb Cordina. Spjega li dan ma kienx każ iżolat. Il-Viċi-Sindku appella lill-awtoritajiet biex dan it-tip ta’ xogħol ma jsirx fl-aqwa tas-sajf.

11 ta Awwissu flaqwa hin ta turizmu , nies fil-bahar u fuq ix-xtajta !! Kummidja ohra fl-aqwa tas-SAJF nixtieq inkun naf…

Posted by Daniel Cordina on Saturday, August 11, 2018

Newsbook.com.mt bagħat ukoll mistoqsijiet dwar dan il-każ lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).