Liċenzji skaduti jiġġeddu sal-aħħar t’Awwissu

Transport Malta qed javża li qed testendi sal-aħħar t’Awwissu, l-perjodu li fih il-liċenzji skaduti minħabba miżuri imposti waqt l-imxija tal-coronavirus, tal-COVID19, għandhom jiġġeddu.

Fl-4 ta’ Mejju 2020, meta tnaqqsu r-restrizzjonijiet, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika kienet awtorizzat il-ftuħ tal-istazzjonijiet tal-VRT f’ Malta u Għawdex. Transport Malta kienet estendiet id-data, sakemm jistgħu jiġġeddu l-liċenzji li skadew wara Marzu 2020, sal-aħħar ta’ Lulju.

Madanakollu għad baqa’ ammont konsiderevoli ta’ vetturi li l-liċenzja tagħhom għad trid tiġi mġedda, minħabba li nġabru għadd ta’ vetturi li jeħtieġu t-test u minħabba r-restrizzjonijiet. L-Awtorità għaldaqstant qed tagħti ċans xahar ieħor sabiex is-sidien jirregolarizzaw irwieħhom. Dan, kif imħabbar qabel, ma jfissirx li s-sidien jistgħu isuqu l-vettura tagħhom mingħajr polza tal-assikurazzjoni valida.

L-Awtorità tuża din l-opportunità sabiex tfakkar lis-sidien li dawk inkarigati mill-VRT jistgħu jirrifjutaw li jagħmlu t-test lill-vettura jekk din ma tkunx f’livell ta’ ndafa aċċettabbli kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra.

Transport Malta tirringrazzja lil kulħadd tal-koperazzjoni sabiex niżguraw transizzjoni mingħajr problemi għan-normalità.