Liċenzja sospiża u multa ta’ €1,200 talli nasab illegalment

Nassab li ġie ffilmjat jikkaċċja b’mod illegali viċin l-Għadira Ta’ San Raflu, limiti ta’ Kerċem, inżammittlu l-liċenzja tal-insib għal sena u weħel multa ta’ €1,200.

Fil-Qorti ta’ Għawdex, in-nassab ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, jiġifieri li uża seba’ birwin bħala nassa għal għasafar oħra. Il-pulizija kkonfiskat l-għasafar li kien qed jonsob bihom u uffiċjali tal-MEPA reġgħu ħelsuhom fl-ambjent naturali tagħhom.

Il-pulizija kkonfiskat ukoll l-apparat kollu tal-insib li hu stmat li jiswa eluf ta’ ewro.

Illum ukoll, quddiem il-Qorti ta’ Għawdex deher nassab ieħor li nstab ħati b’kaċċa illegali u l-Maġistrat tah sentenza simili għal tal-ieħor.

Il-ġimgħa li għaddiet, raġel ieħor, din id-darba fiż-Żurrieq, inqabad jikkaċċja b’mod illegali mistenni jittella’ il-Qorti. Il-CABS għandha f’idejha filmati tan-nassab jipprova jonsob għall-pluvirotti u l-pespiselli. Jirriżulta li l-pulizija kemm il-darba qabdet lil dan in-nassab jikkaċċja illegalment.