Liċenzja meħtieġa għall-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa minn din is-sena

Minn din is-sena, produtturi taż-żejt taż-żebbuġa f’Malta u f’Għawdex iridu jħallsu liċenzja ta’ €100 li trid tiġġedded kull sena.
Dan ikkonfermah fil-Parlament il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.
Leo Brincat ikkonferma li skont l-Avviż Legali 66 ta’ din is-sena, “ebda persuna ma’ tista’ tagħmel, tipproduċi jew timbottilja żejt taż-żebbuġa prodott lokalment jew impurtat, u lanqas ma tista’ tbiegħ prodotti relatati maż-żejt taż-żebbuġa mingħajr liċenzja valida maħruġa mid-Direttur tal-Agrikoltura”.
Il-Ministru sostna li l-liċenzja ġdida li issa qed tintalab hi “meħtieġa biss għall-binja fejn isir l-għasir u mhux mal-għelieqi u dan biex tiġi aċċertata l-korrettezza u l-kwalità tal-proċess tal-għasir, u li l-prodott li qed jiġi mpoġġi fis-suq jirrifletti dan l-istandard kif ukoll l-oriġini tal-prodott”.