Libsa ssikkata ssalvalha ħajjitha

Għandek xi libsa li tant hi għal qalbek li ilha fil-gwardarobba għal ħafna snin? Żgur li Zoe Turner ta’ 21 sena qatt mhu se tarmi l-libsa ħamra li skont tobba salvatilha ħajjitha.
It-tfajla xtrat il-libsa ħamra, li toqgħod issikata magħha, minn fuq sit biex tilbsiha għal party tal-Milied.
Waqt li kienet qed tirritorna d-dar mill-party ma’ tliet tfajliet oħra, mixer tas-siment baqa' dieħel fit-taxi li kienet fuqha bil-konsegwenza li t-tfajliet soffrew minn ġrieħi gravi u kienu fil-periklu tal-mewt.
It-tobba qalu lit-tfajla li l-libsa salvatilha ħajjitha għax serviet bħal qisha corset antik. Tant kemm kienet issikata, li l-libsa żammet l-għadam milli jiċċaqalqu u jolqtu organi vitali.
Minħabba li kienet bilqiegħda quddiem, u allura l-impatt fuqha kien akbar, it-tobba qalulha li kieku ma kinitx liebsa libsa ssikata kien hemm possibilità kbira li titlef ħajjitha.