Libsa ġdida għall-programm akkademiku tal-Junior College

Tnedew il- Programmi Akkademiċi ġodda għas-sena 2018/2019 fil-Ġ.F. Abela Junior College tal-Università ta’ Malta mill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo u mill-Prinċipal tal-Kulleġġ Paul Xuereb.
Fi stqarrija, il-Kulleġġ qal li l-programmi ta’ studju offruti għas-sena akkademika li jmiss huma:
Il-Programm tal-Matrikola
Programm li fih student jista’ jagħżel kull kombinazzjoni ta’ suġġetti skont ir-regolamenti tal –MATSEC.
Programm Speċjali għall-Atleti ta’ Tim Nazzjonali
Skont il-kulleġġ, dan il-programm speċjali huwa mmirat sabiex jgħin u jassisti atleti ta’ tim nazzjonali sabiex jibqgħu jistudjaw u jittrenjaw fl-istess żmien.
Programm Speċjali għal Studenti interessati fil-mediċina, kura tas-saħħa u x-xjenzi
Il-kulleġġ qal ukoll li se jkun hemm programm speċjali għall-istudenti interessati fil-mediċina, kura tas-saħħa u x-xjenzi.
Skont il-Junior College, dan il-programm li jtul sena biss, huwa ideali għal-dawk l-istudenti li diġà wettqu l-kors tal-matrikola fuq sentejn, u li jixtiequ jtejbu r-riżultati tagħhom sabiex ikunu jistgħu jidħlu għall-korsijiet tal-mediċina u kirurġija, kura tas-saħħa jew korsijiet xjentifiċi oħra offruti fl-Università ta’ Malta. 
Korsijiet fil-Prattika Xjentifika
Se jkun hemm ukoll żewġ korsijiet separati wieħed fil-bioloġija u l-ieħor fil-kimika mmirati għal studenti li jixtiequ jistudjaw dawn is-suġġetti fuq livell avvanzat imma m’għandhom l-ebda aċċess għal-laboratorji.  
Għal aktar informazzjoni agħfas hawn.