Libjana arrestata fi Sqallija u akkużata li ħeġġet attakki terroristiċi

Il-Pulizija Taljana fuq ordni tal-Prokura ta’ Sqallija arrestat lil Khadgia Shabbi, mara Libjana ta’ 45 sena.
Din il-mara, li hija riċerkatriċi universitarja fl-Ateneo, ġiet arrestata f’Palermo u tinsab akkużata li għandha konnessjoni mal-estremisti Iżlamiċi.
Tinsab akkużata wkoll li ħeġġet ġiħadisti biex iwettqu reati u atti terroristiċi fl-Italja permezz ta’ networks magħrufa tal-Al Qeada u li għandha kuntatt ma’ foreign fighters.
Jirriżulta li l-mara li ilha tgħix f'Palermo għal dawn l-aħħar tliet snin kienet f'kuntatt ma' estremisti Iżlamiċi fil-Belġju u l-Ingilterra.
Ilbieraħ, il-Ministru Taljan għall-Intern Angelino Alfano żvela kif il-Gvern Taljan iddeporta 64 persuna mill-Italja matul din is-sena u li l-awtoritajiet Taljana ilhom isegwu mad-90 foreign fighter li marru s-Sirja biex ħadu t-taħriġ militari mal-Istat Iżlamiku.