Libja: In-NM tissanzjona vapur b’żejt illegali barra Malta

In-Nazzjonijiet Magħquda ssanzjonat tanker taż-żejt li telaq b’650,000 barmil żejt minn Tobruk lejn Malta.

Il-vapur, bl-isem "Distya Ameya", hu rreġistrat l-Indja u issa tniżżel fuq “lista sewda” tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Il-Gvern leġittimu Libjan qed jinsisti li hu llegali li l-vapur jittrasporta dak iż-żejt, bl-awtoritajiet Maltin jitolbu lill-vapur jibqa' barra mill-kosta.

Jidher li telaq mill-port Libjan ta’ Ħariga fuq ordni tal-kumpanija mill-Emirati Għarab Magħquda, Dsa Consultancy Fzc.
S'issa l-bastiment għadu sorġut f’nofs il-baħar Malti madwar 12-il mil nawtiku barra mill-kosta. 

Sadattant, hekk kif l-aħbarijiet mil-Libja kienu qed juru lill-Gvern ġdid ta’ unità nazzjonali jibda jaħdem, il-Kungress Nazzjonali Ġenerali –li kien qed imexxi l-gvern mhux-rikonoxxut fi Tripli– ħabbar li għadu jiffunzjona.
Ma żvelax fejn hu bbażat u min hu involut fih imma f’dikjarazzjoni li għamel ordna lill-Gvern tiegħu jibqa’ jaħdem u nsista li hu l-uniku Gvern leġittimu fil-Libja.
Fl-istess ħin, ikkundanna l-fatt li l-bini, li minnu kien qed jaħdem qabel, issa ttieħed mill-Gvern ġdid ta’ unità nazzjonali u talab lill-Qorti Suprema biex tintervjeni.