​Libertà proviżorja għall-ekspulizija akkużat bi stupru

Eksuffiċjal tal-Pulizija akkużat li stupra pulizija u li ta fastidju sesswali lil uffiċjal tal-Pulizija oħra ngħata l-libertà proviżorju mill-Qorti llum.
L-ekspulizija rriżenja x-xahar li għadda wara li ħarġu dawn l-akkużi kontrih. Huwa qed iwieġeb li mhux ħati.
L-istupru allegatament seħħ fl-għassa tal-Pulizija tal-Imsida filwaqt li l-fastidju sesswali seħħ f’karozza tal-Pulizija.
Waħda mill-vittmi qalet fil-Qorti li l-akkużat kien messha b’mod sesswali. Pulizija li ntalab jixhed qal li waħda mill-vittmi kienet qaltlu b’dan l-aġir. Huwa qal li ma nvestiġax il-każ għax il-vittma ma riditx tagħmel rapport uffiċjali. Qal ukoll li qatt ma tkellem mal-akkużat dwar dawn l-allegazzjonijiet.
L-akkużat ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €6,000. Il-prosekuzzjoni ma kellhiex oġġezzjonijiet sakemm l-akkużat ma jikkuntattjax lill-vittmi.
Il-każ mistenni jkompli jinstema’ x-xahar id-dieħel.
Il-kuntistabbli żagħżugħ li tressaq il-Qorti akkużat bi stupru u attentat vjolenti fuq il-pudur ta’ żewġ membri oħra fil-Korp f’każijiet separati, kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh, filwaqt li beka u deher abjad karti l-ewwel darba li deher fl-awla.