Liam Debono jgerger “li tpoġġa fl-agħar diviżjoni tal-ħabs”

Liam Debono li qed jiġi akkużat b’attentat ta’ qtil tal-uffiċjal tal-Pulizija Simon Schembri gerger li tpoġġa f’waħda mill-agħar diviżjonijiet tal-ħabs u li ma ngħatax it-trattament mediku li kellu bżonn. Dan skont ma qal l-avukat tiegħu llum fil-Qorti. Schembri kien waqqaf lil Debono wara li kien qed isuq mingħajr ċunturin tas-sigurtà.

Il-każ tal-lum qed jara lil Debono mressaq il-Qorti mill-ġdid wara li kiser il-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest. Hu issa qed jiġi mgħejjun minn għajnuna legali.

Aqra: Jerġa’ jinqabad isuq Liam Debono; ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest

Fil-Qorti ħareġ kif Debono tpoġġa fis-sitt diviżjoni tal-Ħabs ta’ Kordin wara li ġie arrestat mill-ġdid. Hu ġie arrestat fl-24 ta’ Mejju wara li Pulizija off-duty raħ isuq karozza tat-tip Fiat Uno. Jekk jinstab ħati ta’ ksur tal-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest jitlef total ta’ €50,000.

L-Għajnuna Legali ta’ Debono spjega kif l-akkużat ġie preskritt trattament mediku li ma kienx disponibbli fil-ħabs. Qal li għandu jieħu l-mediċina sitt darbiet f’ġurnata. Intqal ukoll li ma tħalliex jitkellem mal-ġenituri li jridu jikkordinaw dan it-trattament. Il-Qorti għamlet rakkomandazzjoni lid-direttur tal-ħabs sabiex it-tabib tal-ħabs jikkordina mat-tabib tal-akkużat permezz ta’ missieru sabiex jassigura li l-mediċina tiddaħħal fl-isptar.

Aqra: Arrestat Liam Debono; jaqbduh isuq karozza

Intant kien hemm numru ta’ xhieda li dehru l-Qorti. Il-ġurnalist Brandon Pisani ppreżenta l-Qorti b’ritratti tal-mument tal-arrest ta’ Debono li rċieva minn sorsi. Intant, Pulizija wkoll ippreżenta ritratt li ħa bil-mobile tiegħu waqt li kien qed isegwi lill-akkużat bil-karozza. Rappreżentant ta’ Transport Malta xehed dwar min huma s-sidien tat-tliet karozzi li allegatament kien qed isuq Debono.

Aqra: Liam Debono jiskuża ruħu ma’ dawk li seraq; jaħfrulu

Il-Prosekuzzjoni qalet li kien hemm numru ta’ xhieda li riedet iġġib li qed jagħmluha diffiċli li jinstabu. Intant il-Maġistrat Joe Mifsud ordna li dawn il-persuni jitpoġġew fuq il-lista ta’ persuni mfittxija mill-Pulzija filwaqt li r-ritratti tagħhom jiġu ppubblikati. Hu ta l-permess lill-pulizija sabiex jgħarrfuhom bil-ħinijiet u l-post ta’ fejn huma mitluba jmorru.

Il-każ se jkompli jinstema’ fil-5 ta’ Ġunju fejn il-prosekuzzjoni mistennija tressaq aktar evidenza.