Lia jeħodha ma’ Caruana Galizia talli qed iqajjem każ irtirat

Pawlu Lia, avukat tan-negozjatur Joe Gerada, li kien parti mill-allegazzjonijiet tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia li hu kien mar f’burdell fil-Ġermanja mal-Ministru Chris Cardona, kellu battibekk mal-eredi tal-ġurnalista minħabba każ li fetħu fil-Qorti fejn sostnew li l-eżekuzzjoni ta’ sekwestru f’każ ta’ libell kontriha kienet malizzjuża u bla bżonn.

Caruana Galizia kienet ittellgħet il-Qorti għal libell u kellha numru ta’ sekwestri finanzjarji mingħand il-Ministru Chris Cardona u Joe Gerada wara li ħarġet l-istorja fuq il-blogg tagħha Running Commentary. Iżda wara l-qtil tal-ġurnalista, iż-żewġ irġiel kienu waqqgħu l-każijiet tagħhom kontriha.

Il-familja ta’ Caruana Galizia tellgħet lil Gerada l-Qorti talli waqqa’ l-każijiet u s-sekwestri mingħajr ma ġiet preżentata l-ebda evidenza fil-każijiet. Skonthom, din il-mossa wriet li l-każijiet kienu infetħu biss b’mod malizzjuż.

Ilbieraħ beda jinstema’ dan il-każ il-Qorti quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia, fejn l-Avukat Pawlu Lia akkuża lill-armel ta’ Caruana Galizia, l-Avukat Peter Caruana Galizia, li kien qed jerġa’ jipprova jqajjem il-każ li l-klijent tiegħu kien irtira. L-avukat sostna li dan il-każ kien wassal għal ħafna sofferenza fil-ħajja ta’ Gerada, fosthom li ż-żwieġ tiegħu spiċċa.

Caruana Galizia, min-naħa tiegħu, akkuża lil Lia li kien qed jibża’ mill-evidenza li setgħet tidher fil-każ ta’ informazzjoni mill-Vodafone dwar l-imkejjen fejn kienu l-irġiel inkwistjoni. Lia wieġbu li dan ma kienx minnu, imma li kien hu stess (Caruana Galizia) li talbu jwaqqa’ l-każ.

Lia indirizza lill-awla u qal li l-familja Caruana Galizia trid biss li terġa’ tqajjem il-każ sabiex il-klijent tiegħu jitla’ jixhed, u huma jkunu jistgħu jgħidu li jridu dwaru. Insista li ma jridx jikkopera magħhom, għax l-aħħar darba li għamel dan, spiċċa ttradut.

Il-każ ġie diferit għal April, meta Caruana Galizia hu mistenni li jressaq l-evidenza tal-każijiet li ġew irtirati.